Il-Gvern se jagħti b’xejn il-mediċini għall-marda tal-prostata

Żewġ mediċini ġodda għall-marda tal-prostata ġew miżjuda fuq il-formularju tal-Gvern biex jingħataw b’xejn lill-pazjenti.

Huwa stmat li madwar 15,000 persuna se jkunu qegħdin jagħmlu użu minn dawn il-mediċini, li s’issa kienu jinxtraw mill-pazjenti għall-ispiża ta’ madwar €400 kull sena.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fil-passat l-uniku soluzzjoni għall-irġiel li kellhom problema fil-prostata kienet operazzjoni. Illum grazzi għall-mediċini nafu li ħafna pazjenti ma jkollhomx bżonn operazzjoni bir-riskji kollha li din iġġib magħha.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-ispiża tal-mediċini b’xejn għall-problemi fil-prostata hija ta’ madwar €5 miljuni fis-sena.

Huwa stmat li 50% tal-irġiel ikunu diġà sofrew bi problemi fil-prostata sakemm jagħlqu l-50 sena. 75% tal-irġiel ikollhom problemi fil-prostata sakemm jagħlqu 80 sena.

Inti taqbel li l-Gvern għandu jagħti l-mediċini b’xejn?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt