Il-Gvern Rumen jegħleb vot ta’ sfiduċja

REUTERS/Vincent Kessler

Il-Gvern Rumen immexxi mis-Soċjalisti Demokratiċi għeleb il-vot ta’ sfiduċja ftit jiem qabel mar-Rumanija tieħu f’idejha t-tmun tat-tmexxija tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.

Minn kemm ilhom fil-poter is-Soċjalisti Demokratiċi, il-Gvern prova jgħaddi miżuri li bihom jinbidlu radikalment il-liġijiet kif ukoll li jitneħħew l-kap prosekuturi. Tibdil ieħor kien jinkludi tibdil fil-kodiċi kriminali u liġijiet oħra, li ġew kritikati mill-Kummissjoni Ewropea, mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan, u eluf ta’ maġistrati. Saħanistra r-Rumanija rat l-ikbar protesti fit-toroq fl-aħħar snin kontra dawn it-tibdiliet.

Il-mexxej Soċjalista Demokratiku Liviu Dragnea li kien ngħata sentenza sospiża dwar akkużi tat-tbagħbis tal-voti kif ukoll qiegħed jappella sentenza oħra dwar każ ieħor fejn ġie akkużat li abbuża mill-uffiċċju tiegħu qed jimbotta lill-Gvern tal-Prim Ministru Viorica Dancila biex ikun hemm iktar tibdilet kontroversjali fosthom digriet ta’ emerġenza li jagħti maħfriet lill-ħabsin u amnestiji.

L-Oppożizzjoni ċentrista li mexxiet il-vot ta’ sfiduċja qalet li l-partit fil-Gvern kif ukoll il-partit sieħeb fil-koalizzjoni ALDE huma ta’ theddida għar-rispett lejn il-liġi kif ukoll għall-istabbilità ekonomika fir-Rumanija.

Kienu biss 161 membru parlamentari li appoġġjaw il-vot ta’ sfiduċja.

Il-Prim Ministru Rumen Dancila qalet li mhix se tkun qed tirreżenja għax tinsab ċerta lir-Rumanija mixja fit-triq it-tajba u lir-Rumeni qed japprezzaw il-miżuri li qed jittieħdu mill-Gvern tagħha.