Il-Gvern qed juża r-rapport ta’ Papadakis biex ikompli għaddej bil-proġett f’Marsaxlokk – PN

Il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Anne Fenech qalet li l-Gvern qed juża r-rapport tal-OHSA li ħejja Georgios Papadakis bħala l-permess, il-‘greenlight’ biex il-proġett tal-Floating Storage Unit fil-bajja ta’ Marsaxlokk jibqa’ għaddej.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Anne Fenech elenkat numru ta’ punti dwar dan ir-rapport. L-ewwel nett li dan ir-rapport sar bil-premessa li m’hemmx sors ta’ nar li jinsab fil-qrib ta’ fejn se jsir il-proġett.

Qalet li r-rapport jassumi li m’hemmx sors ta’ nar fil-qrib u għalhekk saħqet li l-MEPA u l-Gvern għandhom jitolbu rapport fejn jassumi li jista’ ikun hemm sors ta’ nar fil-qrib.
Anne Fenech semmiet ukoll in-nuqqas ta’ maritime impact assessment. Staqsiet ukoll jekk dan il-proġett hux se jaffetwa l-manuvri tal-vapuri. Fakkret li f’Marsaxlokk, ikun hemm il-moviment ta’ madwar 9,000 opra tal-baħar. Għalhekk, kompliet tgħid Fenech, ma tistax tifhem għalfejn il-Prim Ministru qed jinsisti li se jkun hemm aktar riskju ta’ kollużjoni jekk il-proġett isir fuq barra tal-bajja, minflok fuq ġewwa.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Therese Comodini Cachia. Hija qalet li lbieraħ ġiet imsejħa laqgħa mill-MEPA mal-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa. Hija staqsiet għalfejn laqgħa bħal din se ssir fil-magħluq.