Il-Gvern qed juża l-kundanna tal-Kummissjoni Venezja bħala ċertifikat – Delia

EPP, 17th October 2018

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li filwaqt li r-rapport tal-Kummissjoni Venezja huwa kundanna ċara fuq il-Gvern, il-Gvern qed jipprova jdawwar din il-kundanna f’ċertifikat ta’ best practice.

Fi stqarrija, mill-Partit Nazzjonalista Delia sostna li l-Kummissjoni hija ċara fuq il-mod kif il-Gvern qed jaħtaf il-poter minn idejn l-istituzzjonijiet. Sostna li r-rapport tal-Kummissjoni Venezja kkonkluda li jeħtieġ ferm aktar checks and balances fil-Gvern.

Delia qal kif il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, li hija magħmula minne sperti legali tal-Kunsill tal-Ewropa, juru fejn huma x-xquq li minnhom qed jabbuża l-Gvern Laburista bil-ħatriet li qed jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat. Semma kif f’karigi sensittivi qed jintagħżlu persuni li qrib il-Partit Laburista u jitwarrbu persuni li jkunu adegwati għall-irwol inkwistjoni. Insista li minħabba f’hekk wasal iż-żmien li jsir eżami tal-istituzzjonijiet sabiex verament tissaħħaħ id-demokrazija u r-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-Gvern jgħid li se japplika r-riformi meħtieġa “‘b’mod ġenerali”

Delia rrimarka li l-Kummissjoni tagħmilha ċara li l-Prim Ministru huwa ċ-ċentru tal-poter u li l-President, il-Parlament, il-Kabinett tal-Ministru, il-Ġudikatura u l-Ombudsman huma dgħajfin quddiem il-poteri tal-Prim Ministru, u m’humiex fl-aħjar pożizzjoni biex iwettqu l-kontrolli meħtieġa f’demokrazija li tiffunzjona. Sostna li l-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-Avukat Ġenerali qed jilbes wisq kpiepel meta huwa konsulent tal-Gvern kif ukoll prosekutur.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla billi sostna li jekk Muscat verament għandu għal qalbu l-ħarsien tas-saltna tad-dritt u r-reputazzjoni tal-pajjiż għandu jwettaq dak li ssuġġeriet il-Kummissjoni Venezja. Dawn jinkludu:

  • ħatriet tal-Imħallfin u tal-Maġistrati b’metodu indipendenti
  • l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jitneħħewlu rwoli doppji u jitwaqqaf Uffiċċju ta’ Prosekutur Ġenerali
  • il-President ma jibqax jagħmel kollox fuq parir tal-Prim Ministru imma jibda jara li l-Gvern ikun kontrollat meta jabbuża
  • jissaħħaħ lir-rwol tad-Deputati Parlamentari u li d-Deputati tan-naħa tal-Gvern ma jkunux mixtrijin b’ħatriet pubbliċi
  • l-Prim Ministru ma jibqax jaħtar lil kulħadd hu u li jkun hemm kontroll speċjali fuq il-positions of trust

“PM b’ħafna poter; nuqqas ta’ bilanċi u kontrolli”