“Il-Gvern qed jisraq lill-familji bil-kontijiet” – PN; Il-Gvern jgħid li naqqashom

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-familji Maltin u Għawdxin qegħdin jinsterqu għad-dawl u l-ilma li jużaw peress li skontu, taħt il-Gvern Soċjalista, jirċievu kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin u aktar spissi. Il-Gvern qal li l-uniku tibdil li għamel kien li naqqas il-kontijiet.

F’konferenza, il-Partit Nazzjonalista spjega li skont rapport tal-Gvern stess, il-kontijiet se jerġgħu jogħlew meta jintemmu l-ftehimiet għall-gass, bil-kontra tal-wegħda li għamel fl-2013 li jraħħashom. Il-PN qal li jrid li dan is-serq jintemm minnufih, u jekk le, ikollu jkun Gvern Nazzjonalista li jsewwi “din l-inġustizzja.”

Dan qaluh il-Viċi Kap tal-PN David Agius u l-Kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew Michael Briguglio waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali. Agius kompla jgħid li l-Partit Laburista kien tela’ fil-Gvern iwiegħed li se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, b’rabta mal-proġett tal-power station il-ġdida. Skont Agius, dawn raħsu għax raħas il-prezz internazzjonali tal-gass. Agius qal li fil-mezzi soċjali nkitbu mijiet ta’ kummenti dwar kontijiet tad-dawl li għolew f’daqqa, anke f’każijiet ta’ djar bil-panelli solari. Il-Partit Nazzjonalista rċieva mijiet ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma mingħand in-nies, bi wħud li jkollhom żball fil-kont ta’ €600 fuq medda ta’ sena.

Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li skont rapport tal-Gvern, il-gvern tal-leġiżlatura li jmiss se jkollu jgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għaliex fl-2022 jiskadu l-ftehimiet tal-hedging fuq il-gass li hemm fis-seħħ bħalissa.

Michael Briguglio qal li l-PN qiegħed iressaq proposti biex jagħmel differenza pożittiva, proposti b’rabta mat-tniġġis tal-ħoss u tad-dawl.

Il-kontijiet ilhom jiġu kkalkulati l-istess mill-2010 – Il-Gvern

Stqarrija tal-Gvern tgħid li l-kontijiet ġew ikkalkulati bl-istess mod li ġie introdott fl-2010. Il-Gvern sostna li dan il-mod huwa l-istess bħal ta’ amministrazzjonijiet preċedenti. Ir-regolatur ikkonferma li s-sistema kurrenti hija konformi mal-liġi nazzjonali u anke dik tal-Unjoni Ewropea.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-uniċi bidliet li saru tul l-aħħar 10 snin kienu ż-żieda tat-tariffi mill-amministrazzjoni Nazzjonalista qabel l-2013, u t-tnaqqis ta’ 25% mill-amministrazzjoni Laburista.

Garanzija ta’ roħs fil-kontijiet – PL

Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista qal li bir-roħs fil-kontijiet tal-enerġija, il-Gvern ħalla iktar minn €80 miljun fis-sena fil-bwiet tal-familji u n-negozji. Huwa sostna li l-politika tal-Gvern fuq il-prezzijiet tal-enerġija hija ċara, għaliex huwa favur stabbiltà li żżomm il-prezzijiet baxxi u tagħti serħan il-moħħ lill-familji.