‘Il-Gvern qed jipprova jqarraq dwar il-proġetti ta’ Birżebbuġa’ – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern qed jipprova jqarraq dwar il-proġetti ta’ Birżebbuġa. Fi stqarrija ntqal li waqt żjara f’Birżebbuġa, il-Ministru Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo ppruvaw jagħtu l-impressjoni żbaljata li l-Partit Nazzjonalista ttraskura l-proġetti tal-bini ta’ pitch tal-waterpolo u grawnd tal-futbol fil-lokalità minħabba nuqqas ta’ fondi.

Il-Kelliem tal-PN għat-trasport u l-infrastruttura Toni Bezzina sostna li l-Ministru Joe Mizzi stess ikkonferma fil-parlament li l-pitch tal-waterpolo kien suġġett għal żewġ appelli fil-Qorti. Intqal ukoll li s-sentenza tat-tieni appell ngħatat fil-31 ta’ Mejju, biex b’hekk issa seta’ jitkompla l-proċess tal-bini ta’ pitch tal-waterpolo. 

Dwar il-grawnd tal-futbol ta’ Birżebbuġa, l-istqarrija tkompli tgħid li l-Gvern preċedenti kien ħejja l-pjanti kollha neċessarji biex inħareġ il-permess tal-MEPA u ġie ffirmat ftehim biex l-art tingħata lill-fondazzjoni li tmexxi l-klabbs tal-futbol f’Birżebbuġa. Toni Bezzina kompla jgħid li sar ukoll xogħol fuq it-tender neċessarju biex ikun jista jinbeda x-xogħol.