“Il-Gvern qed jipprova jġib lill-ħaddiema kontra min iħaddem” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern qed jipprova jġib lill-ħaddiema kontra min iħaddem għax qed jagħmel laqgħat serparati bejniethom. Delia stqarr li għalkemm għadha ma saritx laqgħa bejn il-korpi kollha kostitwiti mal-Prim Ministru, huwa ħass li bħala Kap tal-Oppożizzjoni huwa fid-dmir li jerġa’ jlaqqa’ l-korpi kostitwiti minħabba nuqqas tal-Gvern.

Intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li l-Gvern huwa inkompetenti f’dak li għandu x’jaqsam l-immaniġjar tal-fondi tal-pajjiż. Huwa semma lista ta’ istituzzjonijiet u korpi kostitwiti li qalu li l-proposti tal-Gvern mhumiex biżżejjed.

“Gvern li l-ħaddiem abbandunah fl-agħar perjodu li Malta ħa tara”

Stqarr li “kulħadd qed jgħid lill-Gvern li dak li qed jagħmel huwa l-inqas possibbli”. Fakkar kif il-Gvern li ftaħar mad-dinja kollha li għandu ekonomija kbira b’surplus, iżda issa fl-agħar mumenti qed idur fuq kulħadd biex jerfa’ l-piż ħlief il-Gvern.

Qal li ċ-ċifra ta’ €1.81 biljun f’miżuri ekonomiċi hija ingann għaliex qal li €700 miljun huma posponiment tat-taxxa. Spjega wkoll li €900 miljun ġew imwiegħda bħala garanzija għas-self sa 20% tal-loans iżda qal li l-banek mhux ċari dwar din il-proposta. Delia qal li l-banek lanqas kienu nfurmati b’dan it-tibdil u għalhekk m’hemmx ħjiel ta’ kif se jiġu implimentati dawn il-proposti.

Spjega wkoll kif Steward Healthcare qed jingħataw €70 miljun iżda la l-isptar San Luqa u lanqas fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ma saru investimenti ta’ sodod li kienu ġew imwiegħda. Saħaq li kieku dawn is-sodod huma lesti kienu jintużaw għall-pazjenti bil-coronavirus.

“Il-Ministru Schembri huwa dilettant”

Adrian Delia stqarr li l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri huwa dilettant. Huwa qal li rċieva ħafna kummenti dwar l-attitudni li ħa dan il-MInistru. Qal li mhix kritika li jieħu gost jagħmel f’dan iż-żmien diffiċli iżda l-komunità ekonomika mhix tirċievi xi tip ta’ konfort mill-Gvern.

Meta l-Ministru Schembri semma l-isparpaljar tal-flus imġemmgħin, Delia qal li ma jafx x’qed jgħid għaliex jekk jintużaw il-flus imġemgħin jitqiesu bħala ionvestiment u mhux sparpaljar.

Dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma Adrian Delia qal li l-PN qed jipproponi li dawn jorħsu bin-nofs peress li l-prezz internazzjonali taż-żejt naqas għal €30 kull barmil.

Delia temm jgħid ukoll li l-Gvern qed ikompli jaħtaf l-istazzjon nazzjonali fil-programmi u riklamar. Qal li sal-bieraħ stess kien hemm il-Ministru Owen Bonnici u l-Ministru Silvio Schembri waħedhom mingħajr kelliem għall-Oppożizzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn