Il-Gvern qed jinsulta lill-ġurnalisti – IĠM

Read in English.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li jħoss li huwa insult għall-ġurnalisti li xi ħadd ħass il-bżonn li jagħmel is-sigurtà fuqhom biex ma jagħmlux xi ħaġa mhux proprja.

Dan kien wieħed mill-ispunti li qajjem l-istitut f’risposta għall-Kontro-Protest li fetaħ il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-konfront tal-protest li nfetaħ kontrih mill-IĠM u persuni oħrajn dwar l-aġir illegali meta ġurnalisti Maltin u barranin li attendew għal konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja fil-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Novembru. Sostna li l-kontro-protest ikompli jikkonferma l-problemi serji li qed jaffaċċjaw il-ġurnalisti fil-pajjiż.

Fil-kontro-protest, il-Prim Ministru qal li l-ġurnalisti attendew volontarjament għal din il-konferenza li għaliha kien hemm proċedura li tipprovdi ordni ta’ ħruġ mis-sala. Qal li l-ordni kienet li l-ewwel joħroġ il-Prim Ministru u l-Ministri li kienu qed jakkumpanjawh u warajhom joħorġu l-persuni l-oħra. Madanakollu, il-ġurnalisti ċaħdu li qatt ġew infurmati b’xi proċedura tat-tip.

Il-Prim Ministru irrimarka li hu fatt paċifiku li min jorganizza avveniment għandu dritt jistabilixxi proċedura għal dak l-avveniment. L-IĠM sostna li ladarba nħass il-bżonn li f’avveniment tat-tip tkun stabbilità xi proċedura partikolari, min attenda għaliha kellu jkun infurmat bil-proċedura mal-mument tal-istedina.

Il-kontro-protest isemmi wkoll protokoll li dejjem ikun segwit f’avvenimenti pubbliċi. Madanakollu l-IĠM staqsa xi protokoll hu dan, ma’ min kien inftiehem u min kien jaf bih.

Il-kontro-protest semma wkoll li r-raġuni għaliex ma tħalliex joħroġ kulħadd f’daqqa mil-laqgħa kien biex ma jkunx hemm rassa u riskju għas-sigurtà. L-istitut insista li dan huwa insult għall-ġurnalisti li l-IĠM jikkundanna bil-qawwa kollha. Sostna li l-ġurnalisti qatt ma kkaġunaw rassa jew riskju għas-sigurtà, “anzi diversi drabi jkunu huma li jsibu ruħhom f’riskju għas-sigurtà tagħhom biex jaqdu dmirhom.”

Intant, l-istitut innota kif il-Prim Ministru ma qal xejn fil-kontro-protest dwar il-persuni li mbarraw il-bibien tas-sala bil-preżenza tagħhom. Madanakollu implika li dawn il-persuni kienu “addetti għas-sigurtà”. L-IĠM kompla billi staqsa jekk dawn humiex impjegati tal-Gvern u min qabbadhom ikunu “addetti għas-sigurtà”.

Il-kontro-protest tal-Prim Ministru temm jgħid li l-“addetti tas-sigurtà” kienu hemm biex jikkontrollaw il-folol. L-istitut irrimarka li jekk għall-Prim Ministru numru ta’ ġurnalisti mistiedna għandhom jitqiesu bħala folla u hemm bżonn li jkunu mmaniġġjati minn “addetti tas-sigurtà”, allura vera li l-ogħla awtoritajiet tal-Gvern “ma għandhom l-ebda rispett lejn il-membri tal-istampa”.