“Il-Gvern qed jikser liġijiet Kostituzzjonali dwar l-ambjent” – Cassola

Facebook

Read in English.

Arnold Cassola, li qabel ma sar politiku indipendenti kien parti mill-Alternattiva Demokratika, sostna li l-Gvern ta’ Malta qed jikser liġijiet fil-Kostituzzjoni ta’ Malta dwar l-ambjent.

F’ittra miftuħa lill-President George Vella, Cassola spjega li Kapitolu II, Artiklu 9 (1) u (2) fil-Kostituzzjoni ta’ Malta jiddettaw li l-Istat għandu jibża għall-ambjent ta’ Malta, kemm dak naturali, kif ukoll dak storiku u artistiku. Sostna li l-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat, qed imur kontra dawn iż-żewġ Artikli minħabba l-permessi għall-bini u għat-toroq li qed jingħataw.

Cassola spjega li l-Artikli jiddettaw li l-Istat għandu “jissalvagwardja l-pajsaġġ u l-patrimonju storiku u artistiku tan-Nazzjon”, kif ukoll “iħares u jikkonserva l-ambjent u r-riżorsi tiegħu”. Dan għandu jagħmlu billi “jindirizza kull għamla ta’ degradazzjoni tal-ambjent f’Malta, inkluża dik tal-arja, l-ilma u l-art, u kull tip ta’ problema ta’ tniġġis”.

Cassola b’hekk sostna li partikolarment fil-każ tal-permessi li qed jingħataw għall-bini u għat-toroq, il-Gvern li hu mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat qed imur kontra l-Kostituzzjoni.

Huwa talab lill-President biex iwaqqaf lill-Gvern milli jagħmel il-ħsara lill-ambjent ta’ Malta hekk kif qed imur kontra dawn iż-żewġ artikli tal-Kostituzzjoni.

Proġetti kontroversjali

Xi proġetti kontroversjali li jista’ jkun qed jirreferi għalihom Arnold Cassola huma dawk tal-Grupp db dwar l-eks sit tal-ITS, kif ukoll tas-Central Link ta’ Infrastructure Malta.

Aqra: Proġett Grupp db: Rekord ta’ oġġezzjonijiet – Kunsilli Lokali u NGOs

Moviment Graffitti, fi stqarrija ffirmata minn għaxar għaqdiet mhux governattivi u l-kunsilli lokali tas-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan, stqarret li hemm numru rekord ta’ oġġezzjonijiet għall-iskavar mill-Grupp db tas-sit fejn qabel kien hemm l-ITS.

L-għaqda spjegat li hemm aktar minn 6,000 oġġezzjoni li ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjannar (PA) dwar il-permess tal-iskavar. Spjegat li dan ikompli jżid ma’ ‘l fuq minn 4,500 oġġezzjoni li kienu diġà saru kontra l-Grupp db fir-rigward tas-City Centre Project fuq l-istess sit. Dan ħabba l-impatt fuq l-ambjent, fuq ir-residenti, u kif ukoll fuq siti importanti ġeoloġiċi u storiċi.

Aqra: “Infrastructure Malta tmexxi bla permessi; il-ħsara ma titranġax” – 15-il NGO u residenti

15-il NGO tal-ambjent u residenti appellaw fil-Qorti kontra l-permess biex isir il-proġett tas-Central Link. Sostnew li dan huwa appell għall-ambjent, għas-saħħa tar-residenti u għas-sostenibilità; imma l-iżjed, appell kontra l-abbuż tas-sistema tal-ippjannar għall-bini. Dan għaliex sostnew li Infrastructure Malta għandha tendenza tmexxi bix-xogħlijiet mingħajr permessi meħtieġa, u b’hekk ebda appell ikun għalxejn, għax il-ħsara tkun diġà saret.

Fi stqarrija mingħand Bicycle Advocacy Group (BAG), ġie spjegat li l-appell huwa kontra l-permess li ngħata għall-proġett tas-Ċentral Link. Dan huwa proġett li se jtejjeb ir-rotta sħiħa bejn il-bypass tal-Imrieħel fid-direzzjoni lejn Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, u jibqa’ sejjer sar-roundabout tat-telgħa tas-Saqqajja, li tgħaqqad flimkien lil Ta’ Qali, Ħ’Attard, ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta.