“Il-Gvern qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea jekk jimponi l-għeluq tal-inkjesta”

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Gvern qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea jekk jimponi restrizzjonijiet fosthom l-għeluq tal-Inkjesta Pubblika f’Diċembru li ġej. Dan qalitu l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia li permezz tal-armel tagħha u tat-tliet itfal issottomettew nota lill-Inkjesta Pubblika li fiha qalu li l-Prim Ministru Robert Abela qed jippreġudika l-ħidma tal-Bord tal-Inkjesta.

It-termini ta’ referenza għall-inkjesta pubblika ġew ippubblikati mill-Gvern fil-15 ta’ Novembru li għadda li fihom il-Gvern kien qal li l-Bord għandu 9 xhur sakemm ilesti l-inkjesta. Dakinhar kien intqal li t-terminu ta’ żmien għandu jkun ta’ disa’ xhur iżda mingħajr preġudizzju għat-tlestija tat-termini ta’ referenza kollha.

Fis-26 ta’ Awwissu l-Prim Ministru estenda l-perjodu ta’ Inkjesta għal darba waħda sal-15 ta’ Diċembru. Dan sar magħruf fis-seduta li saret fil-Qorti fit-2 ta’ Settembru. Permezz tal-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi, il-familja Caruana Galizia rreġistrat l-oġġezzjoni tagħha.

Fis-sottomissjonijiet lill-Inkjesta Pubblika, il-familja Caruana Galizia tisħaq li l-indipendenza tal-Bord hija necessarja f’dawn il-proceduri minħabba li l-Bord ġie maħtur biex jinvestiga nuqqasijiet u aġir tal-Istat u mhux ta’ xi entità privata jew ta’ xi entità waħda tal-Istat.

Jgħidu li l-Bord huwa obbligat li jmexxi din l-inkjesta mingħajr indħil u ostakli. Saħqu li l-argumenti tagħhom huma bbażati fuq id-drittijiet tagħha skont il-liġi u skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Dwar dan tkellemt ukoll l-għaqda Repubblika. Repubblika infurmat lill-Prim Ministru Robert Abela li mhix se tittollera xi xkiel għall-ġustizzja, speċjalment minħabba l-ostaklu falz tal-limitazzjonijiet tal-ħin, u mhux se toqgħod lura milli tieħu l-passi meħtieġa jekk dan iseħħ.