“Il-Gvern qed jieħu azzjoni kontra ż-żoo illegali taċ-Ċaqnu”

Wara l-inċident tal-bieraħ waranofsinhar fiż-żoo taċ-Ċaqnu, il-Gvern ħareġ stqarrija u qal li qed jieħu dan il-każ b’serjetà kbira. 
Filwaqt li l-annimali kienu trasferiti minn żoni inadekwati għal gaġġeġ xierqa, l-istrutturi preżenti taż-żoo għadhom suġġetti għal multi ta’ kuljum. 
Matul l-aħħar xhur ittieħdu diversi passi kontra dan il-park tal-annimali: fil-fatt bejn Settembru 2014 u Jannar 2015, dan l-istabbiliment ffacċja wkoll notifiċi ta’ infurzar mill-MEPA kif ukoll azzjoni mill-pulizija biex il-Grupp Polidano Group ma tkomplix tibni estensjoni li kienet qed jippjana f’Montekristo. Diversi illegalitajiet fil-fatt twaqqgħu jew tneħħew. 
Il-Gvern sostna li ħareġ avviż legali għal konsultazzjoni pubblika li tistipula li l-ebda annimal eżotiku ma jista’ jiġi impurtat mingħajr ma jkun hemm il-permessi neċessarji fuq l-istabbiliment mis-servizzi veterinarju u l-MEPA. 
Dan l-avviż legali huwa skedat li jitla’ għad-deċiżjoni tal-kabinett fil-jiem li ġejjin.
Il-Gvern jappella lill-Pulizija biex tinvestiga l-każ bl-aktar mod wiesa’ u tieħu l-passi kollha neċessarji fil-konfront ta’ min huwa responsabbli. 
Iż-żoo taċ-Ċaqnu, mifrux fuq 25,000 m2, ta’ spiss kien fuq il-mezzi tax-xandir minħabba l-illegalijiet li hemm fih u anke minħabba l-istat li kienu qed jitrabbew l-annimali.
L-inċident bit-tigra riżultat ta' Gvernijiet PN U PL jiffavorixxu lil Polidano – AD
Fi staqarrija, l-Alternattiva Demokratika saħqet li l-inċident f’Montekristo huwa riżultat ta’ “Gvernijiet Nazzjonalisti U Gvern Laburista li jiffavorixxu lil Polidano.“
Iċ-Ċermen tal-AD, Arnold Cassola qal li l-pajjiż qed jitmexxa minn nies fin-negozju “li jaġixxu illegalment.”
Wara l-inċidenti ta’ Paqpaqli, Paceville u dan tal-bieraħ, Cassola qal li l-pajjiż xeba mid-dmugħ tal-kukkudrilli tal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni għax “kienu l-partiti tagħhom fil-gvern li ma ħadu l-ebda azzjoni effettiva kontra l-illegalitajiet rampanti tal-grupp ta' Polidano.”
L-Alternattiva Demokratika staqsiet ukoll kemm se ddum il-“President tar-Repubblika torganizza attivitajiet f'dan l-istabbiliment illegali.”