“Il-Gvern qed jibgħat messaġġ żbaljat lill-UE” – Francis Zammit Dimech

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, qal li l-Gvern ma rrispettax l-iskadenza biex issir it-trasposżizzjoni tal-aħħar direttiva kontra l-ħasil tal-flus, u dan qed jibgħat il-messaġġ l-iżbaljat mal-bqija tal-Unjoni Ewropea.
Waqt l-indirizz tiegħu fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu rigward l-applikazzjoni tal-liġi Ewropea u s-saltna tad-dritt, Zammit Dimech sostna li r-rapport tal-UE jindika numru ta’ nuqqasijiet fl-applikazzjoni ta’ miżuri biex jiġġieldu l-frodi u l-ħasil ta’ flus, tant li fl-aħħar snin kien hemm sejħa sabiex il-kummissjoni tirdoppja l-ħidma tagħha biex tassigura li r-regoli Ewropej relevanti jiġu applikati.
Irrimarka li l-attitudni tal-Gvern Malti hija inkwetanti aktar u aktar minħabba li bħalissa Malta qiegħda that il-lenti minħabba l-skandlu tal-Panama Papers u l-kriminalità organizzata, li t-tnejn huma marbuta mal-ħasil ta’ flus.
Semma kif l-FIAU, l-aġenzija Maltija kontra il-ħasil tal-flus qed tiġi mmanipulata mil-Gvern u kif il-Bank Pilatus, li jinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers, skond rapporti fil-media, qed jhedded il-midja lokali biex ineħħu mis-siti elettroniċi tagħhom stejjer marbutin ma ħasil ta’ flus.
Temm jgħid li dan jagħmlu ħafna aktar kruċjali għall-Gvern Malti biex iħares l-interessi taċ-ċittadini Maltin.