“Il-Gvern qed jibgħat messaġġ lill-kuntratturi li jistgħu jagħmlu li jridu” – PD

Miguela Xuereb
Il-Partit Demokratiku qal li wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li l-infurzar tar-regolazzjonijiet tal-bini mill-awtoritajiet mhix biżżejjed, ma ħa l-ebda impenn biex iżid ir-riżorsi umani biex isir aktar infurzar. B’dan il-mod, fi kliem il-Kap tal-PD Godfrey Farrugia, il-Gvern qed jibgħat il-messaġġ ħażin lill-kuntratturi li jistgħu jagħmlu li jridu għax hu mhu se jagħmel xejn.
Fi stqarrija, il-PD staqsa xi skop hemm li tinbidel ftit il-liġi jekk ir-regoli tal-iskavar ma jiġux infurzati. Spjegaw li l-liġi diġà tesiġi li żviluppaturi jissottomettu method statements ta’ kif se jsir l-iskavar. Tesiġi wkoll il-ħatra ta’ maniġer tas-sit u li jsir stħarriġ ġeoloġiku fuq is-sit, li huma obbligatorji mir-Regolament tal-Evitar tal-Ħsara tat-Terza Parti tal-2013. Ir-regolatur tal-bini huwa impenjat jinvestiga meta jsiru lmenti minn terzi dwar skavar u/jew xogħol ta’ kostruzzjoni. Il-PD żied jgħid li f’ħafna każi, dawn ir-rekwiżiti qed ikunu injorati mill-awtoritajiet regolatorji u m’hemm l-ebda indikazzjoni li l-Gvern biħsiebu jinforzahom.
Barra minn hekk, il-PD qal ukoll li l-Gvern mhux qed iżomm lista kif suppost ta’ bennejja ċertifikati, u għaldaqstant m’hemm l-ebda mod kif żviluppaturi u l-periti tagħhom ikunu jafu jekk in-nies li jqabbdu humiex fil-fatt ċertifikati biex jagħmlu xogħol ta’ kostruzzjoni. Qalu li l-Gvern lanqas ma ħoloq reġistru ta’ kuntratturi tal-bini.
Mark Zerafa qal li n-nies għandhom dritt jgħixu fi djarhom b’serħan il-moħħ, u minħabba dik li hu sejjaħ “il-fissazzjoni tal-Gvern li jkabbar l-attività tal-kostruzzjoni” ma jistgħux jagħmlu dan.