Read in English.
Is-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar ħareġ stqarrija jgħid li “isem Melvin Theuma ma kienx fost l-impjegati mas-Servizz Pubbliku”.
L-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni tagħti l-impressjoni li Melvin Theuma mhux qed jgħid il-verità, meta fl-ittra kiteb li Keith Schembri tah xogħol mal-Gvern. Huwa reġa’ stqarr dan taħt ġurament illum. Qal ukoll li hu qatt ma għamel xogħol iżda kien jitħallas.
Il-maħfra presidenzjali ta’ Theuma tiddependi fuq li jgħid il-verità kollha.
Jekk Theuma kienx qed jirċievi remunerazzjoni mill-Gvern hija xi ħaġa li tista’ tiġi ċċekkjata faċilment. Hija assurda li wieħed jemmen li Theuma huwa tant stupidu li jirriskja l-maħfra presidenzjali, kif ukoll li jirriskja li jinqabad jigdeb taħt ġurament.
Analiżi fid-dettall tal-istqarrija tas-Segretarju Permanenti Prinċipali turi li possibilment kien qed ikun ekonomiku bil-verità. Il-PPS tkellem dwar impjieg mhux remunerazzjoni.
Theuma kien interessat fir-remunerazzjoni u mhux fit-teknikalitajiet jekk kinitx ġejja minn impjieg mal-Gvern jew b’xi mezzi oħra.
Jista’ s-Segretarju Permanenti Prinċipali jwieġeb mistoqsija sempliċi: Melvin Theuma rċieva xi remunerazzjoni mill-Gvern? Jekk jirriżulta li Melvin qed jitħallas mill-Gvern, għaliex il-PPS għażel li ma jgħidx il-verità kollha?
Din il-mistoqsija weġibha mas-sit Lovin Malta l-Erbgħa filgħaxija. Is-sit jirrapporta li Mario Cutajar ammetta li Melvin Theuma kien impjegat mas-settur pubbliku u stqarr li għadda l-informazzjoni kollha lill-Pulizija.