Il-Gvern qed jesplora mod kif isir xogħol fit-toroq b’mod sostenibbli

Il-Gvern qed jikkunsidra mod alternattiv biex jassigura mezz kif isiru tiswijiet fit-toroq b’mod sostenibbli hekk kif il-Kunsilli Lokali m’għadx fadallhom flus.
F’laqgħa tal-Kabinett li saret f’Birkirkara, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-iskema tal-Public Private Partnership li introduċa l-Gvern preċedenti ħalliet il-frott tagħha.
Madanakollu, saħaq Dr Muscat, l-iskema ħalliet ħafna Kunsilli Lokali b’nuqqas kbir ta’ fondi.
Dr Muscat ħabbar ukoll li l-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li jintroduċi parking meters f’postijiet bħal Tas-Sliema. Waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tas-Sindku ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop, il-Prim Ministru qal li l-Kabinett beda jiddiskuti t-tfassil ta’ politika ġdida ta’ parkeġġi.