Filmat: Il-Gvern qed jerġa’ jaħsibha dwar l-għalliema barranin – MUT

Il-Gvern qed jerġa’ jaħsibha dwar il-proposta tiegħu biex jimporta għalliema barranin biex jgħallmu fl-iskejjel Maltin skont il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT).

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li minn dak li qed jisimgħu l-Gvern qed jaħsibha darbtejn però qal li ma kienx hemm aktar żviluppi b’rabta mal-kwistjoni.

Bonnici ħabbar ukoll proposta ġdida tal-MUT biex tinħoloq entità tal-Gvern biex timpjega l-għalliema tal-primarja u tas-sekondarja. L-MUT trid li l-entità tas-servizz pubbliku tissemma Education Malta.

Bonnici qal li t-twaqqif ta’ din l-etità tista’ ssolvi ħafna kwistjonijiet li hemm fis-settur. Qal li istituzzjonijiet bħall-MCAST, l-ITS, u l-Università ta’ Malta jaħdmu b’dan il-kunċett. Il-unjin trid li l-kundizzjonijiet, il-pagi, u l-allowances tal-għalliema tal-primarja u s-sekondarja jiġu bħal dawk tal-livelli tal-post-sekondarja. Bonni qal li peress li dawn l-għalliema bħalissa huma parti miċ-ċivil, hemm ħafna restrizzjonijiet.

Mistoqsi dwar il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ għalliema, Bonnici qal li s’issa jidher li m’hemmx klassijiet li mhux se jkollhom għalliema. Però qal li hemm għalliema mgħobbijin iżżejjed u li qed jintilfu xi servizzi.

Filmat: Christoph Schwaiger