Il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex iġib l-aħjar pakkett finanzjarju mill-UE – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal fil-Parlament li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex iġib l-aħjar pakkett finanzjarju mill-Unjoni Ewropea. Huwa qal li dan qed jagħmlu minkejja li jaf li ma jistax juża l-argumenti ta' gvernijiet preċedenti li l-ekonomija tinsab f'fażi ta' tranżizzjoni. 
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem waqt stqarrija ministerjali wara d-diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell dwar in-negozjati għall-pakkett finanzjarju li jmiss tal-fondi ta’ politika ta’ Koeżjoni tal-UE mill-2020 ‘il quddiem.
Hu spjega li minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, in-negozjati saru aktar kumplessi u l-Gvern mistenni jirċievi l-ewwel proposta formali f’Mejju li ġej.
Il-Prim Ministru qal li din id-darba huwa diffiċli għal Gvern jagħmel l-argument li l-pajjiż għandu jrċievi fondi massimi minħabba li l-ekonomija hija miftuħa.
Hu qal li meta kien innegozzjat il-pakkett finanzjarju għal 2013-2020, il-Gvern kien għamel l-argument li l-pajjiż jinsab fi tranżizzjoni u allura għandu jieħu fondi massimi. 
“Bil-kejl ekonomiku, dan l-argument mhux aktar possibbli li jsir. Madanakollu jien konvint li l-Gvern se jġib l-aqwa pakkett finanzjarju għal pajjiżna jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed,” afferma l-Prim Ministru.
"Il-Gvern jista' jserraħ rasu li se jsib l-appoġġ tal-Oppożizzjoni" – Adrian Delia
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Gvern jista’ jserraħ rasu li se jsib l-appoġġ tal-Oppożizzjoni f’din il-kwistjoni u Malta għandha tmur quddiem il-Kummissjoni Ewropea bħala tim wieħed. Hu spjega li jinsab diżappuntat li l-Gvern ma stedinx lill-Oppożizzjoni biex tagħti sehemha fit-taskforce dwar il-Brexit.
Hawnhekk, il-Prim Ministru spjega lil din it-taskforce hija waħda teknika u mhux politika, madanakollu stieden lil Dr Delia jinnomina persuna teknika biex isservi fuq din il-kummissjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar l-importanza li jinkiseb l-aqwa pakkett finanzjarju possibbli u stqarr li dawn in-negozjati qatt ma jkunu faċli. Huwa qal li l-Gvern għandu jagħmel l-argument li l-immigrazzjoni tibqa’ kwistjoni importanti għall-UE u li tolqot mill-viċin lil Malta. Huwa stqarr li l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jippreżentaw front wieħed biex jinkiseb l-aqwa riżultat għal Malta.