Il-Gvern qed inaqqas mill-importanza tal-Kunsilli Lokali – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jimmina l-importanza tal-Kunsilli Lokali kemm bit-tnaqqis fil-fondi kif ukoll bil-ħsieb li l-elezzjonijiet tal-istess Kunsilli ma jsirux fi żmienhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt laqgħa li kellu dalgħodu fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija
Simon Busuttil qal li wasal iż-żmien li tinbeda d-diskussjoni dwar jekk il-Kunsilli Lokali għandhomx ikollhom sorsi finanzjarji indipendenti biex dawn ikomplu jissaħħu fl-aħjar interess tar-residenti.
Kien hawnhekk li Dr. Busuttil irrefera għall-fatt li fl-aħħar baġit, il-Gvern naqqas il-vot finanzjarju allokat għall-Kunsilli Lokali.
Dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn għandhom jiċċaqalqu biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal per eżempju meta tkun ġejja elezzjoni ġenerali  mhux kif beħsiebu jagħmel il-Gvern ta’ Joseph Muscat.