“Il-Gvern qed ikun xħiħ mal-bdiewa li ġarrbu l-ħsarat” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern għażel li jkun xħiħ ma’ min l-aktar għandu bżonn wara li għażel li jħallas biss 45% tal-ispiża tal-ħsara li saret minħabba l-maltemp tal-aħħar xita meta riħ qalil kisser numru ta’ serer tal-bdiewa Maltin.

Dan hekk kif nhar l-Erbgħa nfetħu l-applikazzjonijiet għal dawk il-bdiewa li sofrew xi ħsarat fl-għelieqi tagħhom minħabba l-maltemp ta’ Frar. Skont il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja Edwin Vassallo, il-ħlas ta’ 45% mhux biżżejjed biex il-bdiewa jkunu tassew mgħejjuna jirkupraw u jerġgħu jibnu l-istruttura tas-serer tagħhom mill-ġdid. Sostna li l-Gvern kien ħali fejn qabillu, iżda għall-bdiewa għandu biss €3.5 miljun.

Vassallo rrimarka li filwaqt li kull statistika qed turi li d-dħul tal-bdiewa qed jonqos, il-Gvern ma tantx jimpurtah milli jgħinhom. Qal li fl-istess applikazzjoni, il-Gvern għamel kundizzjonijiet li jkompli jissikka u jagħmilha diffiċli biex il-bdiewa japplikaw għal din l-għajnuna.

Aqra: Ħsara maltemp: Jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-bdiewa

Fl-istqarrija mibgħuta mill-Gvern aktar kmieni din il-ġimgħa kien ġie spjegat li l-bdiewa jistgħu japplikaw għal dawn il-fondi jekk kellhom xi spejjeż minn dawn:

  1. Spejjeż assoċjati mat-tiswija u / jew bdil ta’ serer jew tunnels;
  2. Spejjeż għall-bini mill-ġdid / restawr ta’ ħitan tal-ġebel niexef (dry stone walls) u ħitan tas-sejjieħ li jilqgħu l-ħamrija;
  3. Spejjeż assoċjati mat-tibdil / tiswija ta’ mtieħen tradizzjonali tal-ilma;
  4. Xogħol tal-ġebel jew tal-azzar biex jinbidlu u / jew jissewwew ħsarat imġarrba fl-irziezet kif irreġistrati mal-VPRD;
  5. Spejjeż magħmula għaċ-ċertifikazzjoni minn perit bil-warrant sa massimu ta’ 5% tal-ispejjeż eliġibbli.