“Il-Gvern qed ikompli jeħodha mal-ħaddiema, anke mas-social workers” – PN

​Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed ikompli jeħodha mal-ħaddiema fosthom is-social workers.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed ikompli jiġġieled mal-unjins tal-ħaddiema Maltin fosthom dik tas-social workers impjegati mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-PN qal li dawn il-ħaddiema “joffru servizz importanti u sensittiv ħafna” filwaqt li kompla jgħid li meta l-Gvern jonqos lil dawn il-professjonisti jkun qed jonqos ukoll lit-tfal.
Saħaq li l-professjonjiet tal-kura huma oqsma li jinbidlu kontinwament u għalhekk l-investiment fl-iżvilupp professjonali tagħhom għandu jkun prijorità għal Gvern li jemmen tassew f’edukazzjoni inklussiva u ta’ kwalità.
Il-Partit Nazzjonalista talab biex il-Gvern jieqaf “iwebbes rasu” mal-Unjins u l-ħaddiema li dawn jirrapreżentaw u jibda jittrattahom bir-rispett li jixirqilhom.
Fost dawn issemmew l-għalliema fl-iskejjel pubbliċi u fl-MCAST, l-ispiżjara tal-POYC, l-esperti tal-kura fil-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), u il-professjonisti mediċi.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja Clyde Puli qal li l-attenzjoni tal-professjonisti għandha tkun fuq dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà u mhux fuq gvern li jrid jissielet magħhom.
Intant, l-istess Kelliem tal-Oppożizzjoni ħareġ stqarrija oħra b'rabta mal-każ tat-tifla Niġerjana li mietet fl-aħħar jiem.