“Il-Gvern qed iħares lejn l-investiment u mhux lejn il-ġid tal-pubbliku”

Numru ta’ entitajiet mhux governattivi ngħaqdu flimkien biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-proposta tal-Għaqda Bajja San Tumas li qed tipproponi l-iżvilupp ta’ turiżmu agrikolu fil-Munxar/Xrobb l-Għaġin.
Saħqu, li l-Gvern qed jaġixxi favur l-interess tal-investiment u mhux qed iħares lejn il-ġid tal-pubbliku.
L-entitajiet stqarrew li mhumiex kontra t-turiżmu agrikolu, iżda kontra l-proġett li se jieħu mal-2,000 metru kwadru tal-pajsaġġ naturali.
Tennew li l-faċilitajiet proposti mhumiex relatati mas-sens propju tat-turiżmu agrikolu iżda l-entità qed tuża dan l-isem biex taħbi l-implimentazzjoni ta’ lukanda.
Żiedu jgħidu li proġett bħal dan se jkollu impatt negattiv għall-integrità estetika tal-park, iridu jiġu maħluqa t-toroq għas-servizz tal-kumpless, u dan jista’ joħloq tniġġiż bid-dawl u bil-ħoss. Huma jemmnu li fl-ebda parti tal-ODZ m’għandu jsir proġett turistiku u l-prijorità għandha tingħata lis-siti abandunati biex jerġgħu jiġu żviluppati, bħalma hi l-lukanda Jerma.  
L-entitajiet mhux governattivi huma; Flimkien għal Ambjent Aħjar, Ramblers’ Association, Friends of the Earth (Malta), Din l-Art Ħelwa, NatureTrust, MOAM, Sustainable Built Enviroment, Youth for the Environment, Greenhouse Malta, Kunsill Studenti Universitarji, Kopin, Gender Liberation, Żminijietna u l-Ġiżwiti.