Il-Gvern qed iġib raħal fis-sena – Delia

Partit Nazzjonalista

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern qed iġib raħal fis-sena minħabba ż-żieda fil-persuni barranin jaħdmu f’Malta. Huwa qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista s-Sibt filgħodu.

Filwaqt li saħaq li “qed nibnu iktar u nippakjaw iktar”, Delia qal li Malta ma tiflaħx għal iktar influs ta’ nies. Appella lill-Gvern biex ma jibqax iwaħħal fil-progress għall-problemi tal-pajjiż

Huwa staqsa kif tista’ qatt koppja tikkompeti għal prezz ta’ appartament meta hemm disa’ persuni lesti jidħlu fl-appartament flokhom. Huwa ġab dan l-eżempju wara li qal li ħafna mill-barranin li qed jiġu jaħdmu Malta, jiġu waħedhom u mhux bil-familja. Fisser kif dawn jkunu lesti jidħlu f’appartament ma’ ħaddieħor bil-konsegwenza li sid id-dar jitlobhom aktar flus għaliex jiġbor inqas mingħand il-ħafna.

Delia semma studju tal-KPMG ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi li juri li sar iktar diffiċli biex tixtri jew tikri propjetà għaliex l-affordibiltà fl-akkomodazzjoni naqset.

“Il-Ministru Konrad Mizzi jiddispjaċih għax inqabad”

Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-kummenti tal-Ministru Konrad Mizzi fejn qal li jiddispjaċih għax fetaħ kumpanija fil-Panama. Delia qal li huwa qal dan il-kliem għaliex inqabad mill-ġurnalisti.

Konrad Mizzi kien l-uniku Ministru ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea li ssemma fil-Panama Papers, meta f’April 2016 ħarġet data mid-ditta legali Mossack Fonesca fil-Panama. Dakinhar kien ġie żvelat kif il-Ministru għall-Enerġija ta’ dak iż-żmien kien akkwista kumpanija offshore fil-Panama “Hearnville Inc.” u kellu trust jsiimha “Orion Trust Limited” fi New Zealand.

Fl-intervista Delia tkellem dwar id-dokument ta’ qabel il-baġit imħejji mill-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li Malta hi l-unika pajjiż fl-Ewropa li l-Oppożizzjoni tippreżenta dokument qabel il-baġit.

Qal li l-Membri Parlamentari kollha taw kontribut biex isir id-dokument u saru wkoll laqgħat mal-imsieħba soċjali tul dan il-proċess.

Fil-jum iddedikat lill-għalliema, Adrian Delia stqarr li l-Partit Nazzjonalista jrid joffri sostenn lill-għalliema biex ikomplu joffru futur edukattiv għall-istudenti.