Il-Gvern qed ifittex orizzonti ġodda għall-politika barranija

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li filwaqt li Malta “dejjem tat attenzjoni kbira lill-iżviluppi li jseħħu fil-Mediterran, il-politika barranija ta’ Malta matul is-snin infetħet biex tesplora oqsma ġodda ta’ koperazzjoni u ta’ skambji” ma’ pajjiżi ‘l barra mill-Ewropa.
Waqt sessjoni ta’ ħidma mal-Ambaxxaturi minn Stati membri tal-Unjoni Ewropea akkreditati għal Malta, il-Ministru Abela qal li l-Gvern se jkompli jippromwovi “l-iżvilupp, il-kuntatti bejn in-nies, il-koperazzjoni, u d-djalogu politiku, kif ukoll it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali għall-benefiċċju ta’ kulħadd”.
Spjega li l-politika barranija ta’ Malta mhix orjentata biss lejn il-Mediterran u l-Ewropa, iżda hija mmirata wkoll biex taħdem bis-sħiħ ma’ pajjiżi sħab importanti f’reġjuni u kontinenti oħrajn.
Il-Ministru qasam mal-Ambaxxaturi l-fehmiet tiegħu wara l-parteċipazzjoni fil-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Asja u tal-Ewropa (l-ASEM), li saret fi Mjanmar fil-21 u t-22 ta’ Novembru.
Huwa rrimarka li forum bħal dan jiffaċilita l-iskambji politiċi u d-djalogu bejn il-pajjiżi Ewropej u Asjatiċi fi żmien ta’ prova għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Malta hija sostenitur kbir tad-djalogu bejn l-Asja u l-Ewropa, u tappoġġja l-appelli għal involviment aktar mill-qrib mal-pajjiżi sħabna fl-ASEM.
Is-sessjoni f’Malta kienet organizzata mill-Ambaxxatriċi Pollakka għal Malta, Jolanta Janek u għaliha attendew ukoll il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta; il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit; l-Ambaxxaturi tar-Repubblika Ċeka, tal-Finlandja, ta’ Franza, tal-Greċja, tal-Italja, u tan-Netherlands, u x-Chargés d'Affaires tal-Belġju, tal-Ġermanja, u tar-Rumanija.
Ritratti: ​MFTP