“Il-Gvern qed ifalli milli jirregola s-settur tal-bini” – PN

Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-Gvern u partikolarment il-Ministru Ian Borg, qed ifallu milli jirregolaw is-settur tal-bini. Dan qed iwassal biex l-inċidenti fuq siti tal-kostruzzjoni jibqgħu jiżdiedu, hekk kif tikkonferma l-istess statistika maħruġa mill-istess Gvern Laburista fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet.

Il-partit spjega li minn din l-istatistika irriżulta li fl-ewwel nofs tas-sena 2020, kien hemm żieda fl-inċidenti mhux fatali fost il-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni, dan meta wieħed iqabbel mal-istess żmien tas-sena 2019. Barra minn hekk, għall-ewwel nofs tas-sena 2020, is-settur tal-kostruzzjoni jibqa’ dak li fih ġie reġistrat l-ikbar ammont ta’ inċidenti, b’16.7%.

Ma’ dawn in-numri jiżdiedu l-inċidenti gravi, uħud minnhom fatali, b’rabta mal-qasam tal-kostruzzjoni. Dawn kemm fost ħaddiema kif ukoll fost persuni li jabitaw viċin siti fejn kien qed iseħħ żvilupp.

Il-partit qed jgħid li r-responsabbiltà għal dawn iċ-ċifri taqa’ fuq il-Gvern minħabba il-fatt li:

  • Il-Gvern għadu ma biddilx l-Avviż Legali 136 li daħħal is-sena l-oħra. Il-PN u stakeholders oħra ilhom jilmentaw minħabba l-konfużjoni li joħloq dan l-Avviz minħabba rwoli u responsabbiltajiet fil-qasam tal-kostruzzjoni. Dan minkejja l-letter of commitment dwar dan mal-Kamra tal-Periti datata 2 ta’ Awissu  2019. Suppost kellhom jiddaħħlu regolamenti ġodda għas-settur tal-kostruzzjoni sa Ottubru 2019.
  • It-tibdil bżonnjuz rigward l-Att Dwar il-Periti baqgħu ma tressqux fil-Parlament meta dan kellu jsir sa Settembru tal-2019.
  • Il-Gvern u partikolarment il-Ministru Ian Borg waqgħu lura fir-riforma li tibdel l-aġenzija għall-bini u l-kostruzzjoni f’awtorita’ b’saħħitha. Minħabba f’hekk, l-aġenzija tħalliet nieqsa mir-riżorsi għall-infurzar bix-xieraq fil-qasam tal-kostruzzjoni.
  • Il-Gvern għadu ma pronunċjax ruħu dwar il-konklużjonijiet  tal-Kummissjoni li ħatar il-Prim Ministru Robert Abela wara t-traġedja tal-Ħamrun ta’ Marzu li għadda, liema Kummissjoni kellha l-irwol li tistħarreġ it-tibdil li hu meħtieġ fil-qasam tal-bini. Dan minkejja li kif stqarr il-Gvern stess, it-tibdil huwa urġenti.