Il-Gvern qed iċedi d-dritt li nużaw il-Malti fl-UE – Agius

Peter Agius akkuża lill-Gvern Malti li qiegħed iċedi d-dritt li jintuża l-Malti fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, billi pereżempju juża l-lingwa Ingliża fil-korrispondenza tiegħu mal-UE.

L-eks kandidat għal Membru Parlamentari Ewropew kiteb ittra lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti propju fil-Jum Ewropew tal-Lingwi sabiex jgħarrfu b’din il-kwistjoni u jitolbu jieħu azzjoni dwar dan.

Fl-ittra tiegħu, Agius spjega li hu dejjem kien minn ta’ quddiem biex l-ilsien Malti jingħata l-ġieħ li jixraqlu fl-Unjoni Ewropea bħala wieħed mil-lingwi uffiċjali Ewropej. Spjega li dejjem kiteb lill-istituzzjonijiet Ewropej bil-Malti u insista li jwiġbuh bil-Malti. Meta kien jaħdem għall-eks President tal-PE Antonio Tajani, kien jinsisti li d-diskorsi ewlenin tiegħu jiġu tradotti u jixxerrdu bil-Malti għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew.

Stqarr li għalhekk, peress li għandu tant għal qalbu l-ilsien Malti, iħoss dispjaċir kbir meta jinnota li l-Gvern “qiegħed sistematikament iċedi u jirrinunzja għad-dritt tagħna l-Maltin li nitkellmu, niktbu u nirċievu lura risposti bil-Malti.”

Mhux ser naċċetta li l-Gvern iċedi l-kisbiet tagħna fl-Ewropa fuq l-Ilsien Malti 🇲🇹 lingwa uffiċjali tal-UE 🇪🇺Waslitli…

Posted by Peter Agius on Saturday, September 26, 2020

Agius ġab eżempju ta’ serje ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea meta l-Qorti tieħu nota li l-kawża tista’ ssir bl-Ingliż għax il-Gvern Malti jirrinunzja d-dritt li ssir bil-Malti. Qal li minn 21 kawża li involvew lil Malta fl-aħħar snin, kienu biss tmienja d-drabi meta l-Gvern Malti uża l-Malti. Fi 13-il kawża rrinunzja d-dritt li jressaq il-kawża bil-Malti. Eżempju ieħor huwa li l-Gvern Malti jikkomunika mal-Kummissjoni Ewropea bl-Ingliż.

Meta kien kandidat għall-elezzjoni tal-MEPs is-sena li għaddiet, Agius kien diġà ġibed l-attenzjoni dwar din il-kwistjoni.

Sostna li dan hu inaċċettabbli u insista li “fl-Ewropa ma nistgħux niġu rispettati jekk ma nafux nirrispettaw lilna nfusna.” Semma kif xi ħaġa bħal din taffettwa bil-kbir l-irwol tal-ħafna tradutturi, interpreti u qarrejja tal-provi Maltin impjegati fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Għaldaqstant, huwa talab lill-Kunsill, bħala l-korp inkarigat mid-difiża u l-promozzjoni tal-lingwa Maltija, sabiex jieħu l-azzjoni li jara xierqa.

Aqra l-ittra sħiħa hawn.