Il-Gvern qed ibassar defiċit rekord

Edward-Scicluna-Parlament-Coronavirus

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qed ibassar defiċit rekord hekk kif il-Gvern qed jippjana li jonfoq iktar minkejja li se jonqoslu d-dħul. Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar mozzjoni għas-self ta’ flus permess ta’ ħruġ ta’ strumenti ta’ dejn. Scicluna xejjen il-kritika li saret mill-Oppożizzjoni billi qal li dawn huma ‘cheap shots’ għax il-programm ta’ għajnuna finanzjarja tal-Gvern huwa ‘work in progress’. Fil-bidu tas-seduta, Scicluna qal li d-defiċit tal-Gvern ma jkunx aktar minn €400 miljun. Meta mbagħad kien qed jagħlaq id-dibattitu, Scicluna qal li d-defiċit hu bħala l-antibiotiċi li għandhom jintużaw biss meta l-ekonomija tkun marida.

Scicluna ħabbar li l-Gvern għandu l-intenzjoni li jħabbar pakkett finanzjarju fil-mument li Malta toħroġ minn din il-pandemija, biex jgħin lill-intrapriżi jibdew jirpiljaw malajr.

L-uniku Prim Ministru fid-dinja li jaħseb biss kif se jgawdi s-sajf – Delia

Ftit qabel, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li f’temp ta’ 12-il minuta fl-intervent tiegħu fuq it-televiżjoni, ħarbat ġimgħat ta’ ħidma mill-awtoritajiet tas-saħħa kontra l-imxija tal-coronavirus. Huwa qal li l-preokupazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela hi li s-sajf tiegħu ma jiġix irvinat. Huwa qal li Abela hu l-uniku Prim Ministru fid-dinja li qed jaħseb biss fuq kif se jgawdi s-sajf. Huwa qal li l-Prim Ministru ma jistax ikun popolist u jimxi skont kif jgħidu n-nies jew is-surveys. Delia qal li l-Gvern ittratena biex għalaq il-fruntieri u jagħmel il-kwarantina, kieku ma kienx reattiv, ċertu każijiet setgħu ġew evitati.

Il-kelliem Nazzjonalista għall-Finanzi Mario de Marco qal li kontrarjament għal dak li jiġri fuq mozzjonijiet tat-Teżor, l-Oppożizzjoni ma kinitx se titlob vot fuq din il-mozzjoni biex turi l-impenn tagħha li tkun vuċi waħda mal-Gvern f’dan il-mument. Huwa qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni dejjem ikkritikat l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, issa li nġabru €600 miljun, wasal iż-żmien li dawn jintefqu biex jiġu mgħejuna l-intrapriżi. Huwa qal li jekk id-dejn tal-Gvern jitla’ minn 55% għal 60% tal-GDP, xorta jibqa’ mal-kriterji ta’ Maastricht. Fisser li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jrid jiddeċiedi jekk hux se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, wara li l-ewwel ilbieraħ qal li ma jistax għax hemm iċ-Ċiniżi u llum fi tweet qal li l-Gvern xorta għad fadallu l-maġġjoranza fuq il-bord tal-Enemalta.

Wasal iż-żmien li nikkontrollaw min se jivvjaġġa lejn Għawdex?

Id-deputat Nazzjonalista Għawdxi Kevin Cutajar staqsa jekk wasalx iż-żmien li jiġi kkontrollat min se jivvjaġġa bejn Malta u Għawdex wara li feġġew l-ewwel każijiet f’Għawdex. Minn naħa tiegħu, Ivan J. Bartolo qal li l-employers ta’ 113,000 ħaddiem dalgħodu marru jdaħħlu n-numru tal-VAT fis-sistema li ntroduċa l-Gvern u sabu li mhu ħa jieħdu xejn mill-pakkett finanzjarju. Huwa qal li l-‘war-chest’ tal-intrapriżi ż-żgħar hu li minn 40 ħaddiem ikeċċi 30 u jżomm l-aħjar 10 jew inkella jnaqqsu 80% ta’ pagi tal-ħaddiema.

Edwin Vassallo qal li waqt il-maltemp jinkixfu l-veritajiet u sostna li fiż-żmien Gvern Nazzjonalista mmexxi mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi f’nofs il-kriżi finanzjarja qatt ma qal li l-Gvern m’għandux flus biżżejjed għal kulħadd.

Il-Viċi Kap Robert Arrigo qal li Malta sovrana trid titlob permess mingħand Vitals jew Stewards għas-sodod fl-Isptarijiet, liċ-Ċiniżi biex traħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u titlob il-gass mill-Ażerbajġan.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn