Il-Gvern qal lis-sidien iraħħsu l-kirjiet, imma tiegħu żammhom l-istess – MDA

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) qal li filwaqt li l-Gvern appella għat-traħħis fil-kirjiet, il-Gvern żamm il-prezzijiet tiegħu l-istess.

Fi stqarrija l-MDA qalet li fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 il-Gvern kien ta indikazzjoni li s-sidien kellhom jippruvaw jgħinu lill-inwkilini kemm jistgħu.

L-MDA ħarġet xi gwidi u kien hemm min għamel arranġamenti biex il-kera tonqos jew tiġi posposta.

“F’ħafna każi, dawn l-arranġamenti temporanji litterlament salvaw ħafna familji milli jispiċċaw bla akkomodazzjoni u biex in-negozji jżommu l-post tax-xogħol tagħhom sakemm jerġa’ jkun hemm żminijiet aħjar,” qalet l-MDA.

L-MDA qalet li dawk in-negozji u stabbilimenti kummerċjali li għandhom kirjiet relatati mal-Gvern għadhom qed iħallsu daqs kemm kienu jħallsu qabel ma feġġ il-coronavirus.

“Bħala sid tal-kera, il-Gvern għandu jmexxi bl-eżempju,” qalet l-MDA. L-MDA appellat lill-awtoritajiet biex is-sitwazzjoni titranġa malajr kemm jista’ jkun.