“Il-Gvern qabel magħna li l-pjan tal-Vitals falla; imma mhu se jinbidel xejn għal 28 sena”

Skont is-Segretarju Ġenerali tal-MAM Dr Martin Balzan waqt laqgħa li saret bejn l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Gvern ilbieraħ, il-Gvern qabel mal-MAM li l-l-mudell ta’ private/public partnership (PPP) użat mal-Vitals falla, u li jekk jagħmel PPP  ieħor jagħmlu differenti.
Balzan qal dan waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM.
Balzan iżda żied jgħid li l-Gvern qalilhom ukoll illi għat-28 sena li ġejjin ma jista’ jibdel xejn u jkollu jibqa’ b’dak il-ftehim. Huwa qal li t-tobba mhux lesti li jistennew 28 sena biex jirranġaw l-affarijiet.
Mill-banda l-oħra l-MAM qed tibqa’ ssostni li la anke l-Gvern jaqbel li l-ftehim hu ħażin allura l-Gvern għandu jinħall minn dan il-kuntratt. Balzan qal li dan il-ftehim se joħloq problemi kbar kemm għall-pazjenti kif ukoll għat-tobba matul it-28 sena li ġejjin, sakemm il-Gvern jerġa jieħu r-riedni tal-isptarijiet f’idejh.
Dr Balzan saħaq li wara l-istrajk, il-MAM se tkompli titkellem mal-Gvern sabiex tipprova tikkonvinċih li l-problema mhix Steward Healthcare, imma l-kuntratt li skonthom hu maħdum ħażin u jaħdem kontra l-pazjent u l-ħaddiema.
“Skomodajna lin-nies imma naħsbu li kawża ġusta”
Waqt l-intervista, Dr Balzan ammetta li l-istrajk tal-lum skomoda lil xi nies li ġew affetwati, imma madanakollu jemmen li dan sar għall-kawża ġusta u sabiex jiġu ssalvagwardjati l-pazjenti.
Hu spjega kif id-direttivi ħadmu għax il-maġġoranza tan-nies segwewhom. “Tgħoddhom fuq subajk dawk it-tobba li ma obdewx id-direttivi”, qal Balzan.
Huwa fakkar li d-direttivi ma kienux jaffettwaw lil bosta dipartimenti fl-Isptar Mater Dei inklużi dawk tal-maternita, onkoloġija, kanċer, ksur u kliniċi oħra li allura ħadmu normali.
Hu saħaq li saħansitra kien hemm tobba li suppost kienu taħt id-diretiva li raw pazjenti xorta meta ħassew li kellhom xi affarijiet serji.
Balzan qal li skont il-ftehim kollettiv huma kellhom jingħataw kopja tal-ftehim sitt ġimgħat qabel ġie iffirmat biex ikunu jistgħu jifluħ u jagħmlu l-proposti tagħhom. Huwa qal li skont parir legali li għandhom ikunu qed jippreġudikaw il-pożizzjoni tagħhom jekk jaraw il-ftehim issa ġimgħat wara li ġie iffirmat.