Il-Gvern Norveġiż se jappella mis-sentenza tal-Qorti dwar Breivik

Il-Gvern Norveġiż mistenni jappella minn sentenza tal-Qorti fil-konfront tat-terrorista Anders Breivik, li ftit jiem ilu ngħata raġun li d-drittijiet tiegħu tal-bniedem nkisru fit-trattament li kien ingħata fil-ħabs fejn kien miżmum.
Breivik qatel kważi 70 żagħżugħ meta fetaħ in-nar fuq kamp taż-żgħażagħ fuq gżira, f’Lulju tal-2011, wara li sploda bomba fil-kapitali Oslo u qatel 8 persuni oħra.
Breivik kien qed jinżamm arrestat, maqtugħ mill-bqija tal-priġunieri u kien jinżamm waħdu għal 22 jew 23 siegħa kuljum. Ma tħalliex ikollu kuntatt ma’ priġunieri oħra u kien jista’ jikkomunika biss mal-uffiċjali tal-ħabs minn wara ħġieġa ħoxna.
L-imħallef sostniet li d-drittijiet japplikaw anke għat-terroristi.
Il-Gvern Norveġiż madankollu ħabbar li se jappella bil-qawwa kollha mis-sentenza mogħtija.