Il-Gvern nesa lil Għawdex u qed jeqred il-biedja – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li l-Gvern nesa lil Għawdex u ddeċieda li jeqred il-biedja. Dan qalu waqt li kien qed jindirizza lill-attivisti f’Ta’ Sannat f’Għawdex. Sostna li “l-Gvern nesa għal kollox lil Għawdex tant li fil-budget m’hemm l-ebda soluzzjoni għall-kwistjonijiet li jolqtu direttament lill-Għawdxin.”

Delia insista li l-problemi serji li qed jaffaċċja Għawdex huma l-insuralità u l-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex stess, kif ukoll it-trasport. Spjega li l-Gvern nesa wkoll lill-bdiwa u ma sab xejn xi jgħid dwar il-biedja fejn sostna li l-Gvern qal li din ma tantx tikkontribwixxi lill-ekonomija. Delia rrimarka li din il-mossa hija deċiżjoni tal-Gvern li jeqred il-biedja minflok jgħin lill-bdiewa permezz ta’ aktar inċentivi u sussidji.

Fid-diskors tiegħu, Delia semma wkoll il-kawża kontra l-Vitals  sabiex l-isptarijiet San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jiġu rritornati f’idejn il-Maltin u l-Għawdxin. Sostna li l-Gvern għażel li jagħtu dawn it-tliet sptarijiet lil xi ħadd li mhux magħruf u bla esperjenza fis-settur mediku.

Dwar 17 Black, Delia insista li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità. Spjega kif filwaqt li għall-ewwel Muscat qal li ma jafx fuq min hi l-inkjesta dwar 17 Black, meta staqsewh il-ġurnalisti qal li l-inkjesta mhix kontra ċ-Chief of Staff Keith Schembri. Adrian Delia qal li Joseph Muscat baqa’ jagħżel li jiddefendi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi minflok l-interessi tal-Maltin u Għawdxin.