Il-Gvern neħħa l-ħamrija u qaċċat is-siġar biex isolvi t-traffiku – Delia

PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li biex isolvi l-problema tat-traffiku l-Gvern neħħa l-ħamrija u qaċċat is-siġar.

Delia qal dan waqt attivitá politika li saret għar-residenti tal-11-il distrett.

“Għandna gvern li jħares biss mill-lum għall-ghada, mingħajr ebda pjan fit-tul. Konsegwenza ta’ dan, l-ambjent li ngħixu fih qed issirlu ħsara kbira u l-effett ta’ din il-ħsara qed inħossuh, u se nkomplu nħossuh, fuq saħħitna u l-but tagħna.”

Delia qal li quddiem il-problema tat-traffiku, il-Gvern iddeċieda li s-soluzzjoni hi t-twessiegħ tat-toroq. “Allura ġab il-gaffef, neħħa l-ħamrija, qaċċat kull siġra li sab, u wessa t-toroq,” qal Delia li żied jgħid li l-Gvern injora n-numru ta’ karozzi li dejjem qed jiżdied.

Hu qal li jrid isir żvilupp sostenibbli li minnu jitkattar il-ġid. Qal li l-iżvilupp irid isir bi pjan fit-tul.