Il-Gvern naqqas l-ispiża fiċ-ċentri tas-saħħa b’60% – PN

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech jisħaq li l-Gvern għandu jtejjeb il-kura tas-saħħa primarja biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Claudio Grech qal li fl-aħħar 16-il xahar, il-Gvern ma ħa l-ebda inizjattivi ġodda fil-kura tas-saħħa primarja, ħlief ix-xogħlijiet fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta u r-Rabat li nbdew mill-amministrazzjoni preċedenti.
Grech saħaq li fl-aħħar baġit il-Gvern naqqas l-ispiża kapitali fiċ-ċentri tas-saħħa b’60%.
Filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon li jkun hemm aktar effiċjenza fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, Claudio Grech sostna li hemm il-ħtieġa li dawk li ma jkollhomx bżonn li jmorru l-isptar, imorru fiċ-ċentri tas-saħħa u jsibu servizz tajjeb.
Saħaq li dawk li jmorru fiċ-ċentri tas-saħħa għandhom jibqgħu jiġu segwiti mill-istess tabib li jkun rahom l-ewwel darba.