Il-Gvern mhux qed jindirizza l-faqar b’mod serju – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern Malti mhux qed jindirizza s-sitwazzjoni tal-faqar, partikolarment in-nuqqas ta’ ikel “li ħafna familji qed isofru”.

L-istqarrija ffirmata mill-Kelliema tal-PN David Agius u Ivan Bartolo tgħid kif fl-aħħar jiem, il-midja rrappurtat kif il-Victory Kitchen, li hi inizjattiva private, tistma li pprovdiet ikliet lil aktar minn 6,000 familja minn meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19 u issa għaddejja bix-xogħol biex tkompli dawn l-attivitajiet tagħha b’risq eluf ta’ familji oħra. “Kull jum li jgħaddi aktar familji qed isoffru l-ġuħ,” insistew il-kelliema.

Semmew li din mhux l-unika inizjattiva favur il-familji li mhux ilaħħqu mal-ħajja, u li huma fi bżonn ikla ta’ kuljum u affarijiet bażiċi tal-ikel għalihom u għal uliedhom. Qalu kif hawn food banks u kċejjen, fosthom tal-Knisja u organizzazzjonijet privati, li ilhom joperaw qabel il-COVID-19 u li xogħolhom żdied waqt l-imxija tal-virus sal-ġurnata tal-lum.

Irrimarkaw li wieħed jistenna li Gvern, “li suppost iħaddan twemmin soċjalista, li dejjem sab flus għal dawk tal-qalba, għall-iżviluppaturi, għal dawk li ilhom snin paxxuti, li għandu surplus u li jpinġi lilu nnifsu bħala s-salvatur tal-familji Maltin, li jxammar idejh u jibda jipprova jsolvi din is-sitwazzjoni b’mod permanenti.” Insistew li t-tqassim tal-oġġetti tal-ikel m’għandhomx jitqassmu lejliet xi elezzjoni, “anzi qas biss misshom jeżistu.”

Appellaw lill-Gvern Laburista sabiex isib ir-ruħ soċjali tiegħu mill-aktar fiss possibbli qabel ma iktar familji jaqgħu għal dejjem fil-faqar.