Il-Gvern mhux qed jgħin lis-self-employed kollha – PN

Miguela Xuereb

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u l-Malta Enterprise qed jgħidu li l-għajnuna lis-self employed u l-kumpaniji se tilħaq 12,553 self-employed meta skont l-aħħar Labour Force Survey, fil-pajjiż hawn total ta’ 40,030 self-employed.

Dan qaluh fi stqarrija diversi kelliema tal-Partit Nazzjonalista. Huma staqsew x’se jkun qed jiġri mill-bqija tas-self-employed, li flimkien jilħqu madwar 27,926 familja.

Fl-istqarrija, il-kelliema qalu li skont il-Gvern, 62,766 ħaddiem qed jirċievu €800 jew parti minnhom. Il-PN staqsa x’se jiġri mill-110,000 ħaddiem ieħor, fejn fosthom hemm diversi li huma bla xogħol jew ma jistgħux imorru għax-xogħol għax dan il-post tax-xogħol għalaq.

Il-PN qal li jistenna li l-Gvern jgħin tassew lis-self-employed u l-ħaddiema sabiex meta jgħaddi ż-żmien tal-imxija tal-coronavirus, il-pajjiż ikun jista’ jerġa’ jimxi ‘l quddiem.

L-istqarrija kienet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self Employed Edwin Vassallo, il-Kelliema għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar Kristy Debono u l-Kelliem għat-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol Clyde Puli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn