Il-Gvern mhux jirrispetta lill-istudenti u lill-għalliema – MUT

Għax mhux idaħħal miżuri ġodda

Ritratt: FES

Skont l-Unjin tal-Għalliema (MUT), in-nuqqas ta’ miżuri ġodda fil-konfront tal-pandemija min-naħa tal-Gvern jindika nuqqas ta’ rispett mill-Gvern lejn l-edukaturi u l-istudenti.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li l-għadd kbir ta’ każijiet ta’ coronavirus bħalissa qed iwassal għal sitwazzjoni ta’ pressjoni kbira fl-iskejjel.

L-unjin qalet li hawn għadd ta’ studenti u edukaturi li qed jispiċċaw kwarantina, hemm studenti li mhumiex jattendu l-iskola minħabba l-biża’, u ġenituri li jridu l-iskejjel jipprovdu tagħlim online.

L-MUT fakkret li hi diġà tat ultimatum lill-Gvern li jiskadi għada. Hi qed tinsisti li l-Gvern iħabbar miżuri neċessarji fis-soċjetà bħalma ġew proposti mid-diversi unjins u organizzazzjonijiet inkluż minn esperti fil-qasam mediku. “Miżuri ulterjuri stretti u infurzar li jwasslu għal trażżin tal-pandemija huma l-uniċi mezzi jekk il-Gvern irid li l-edukazzjoni tibqa’ tingħata fl-iskejjel,” temmet tgħid l-MUT.

Ħallu f’idejn l-awtoritajiet tas-saħħa – Il-Kummissarju tat-Tfal

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal kompla jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu dwar il-jedd li kull tifla u tifel għandu jkollu garanzija ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, anke fi żmien il-pandemija, l-istess bħalma huma u l-għalliema għandhom id-dritt għas-saħħa.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju qal li l-kwalità fl-edukazzjoni qatt m’għandha titħalla tbati meta jittieħdu miżuri ta’ sigurtà tas-saħħa, sew jekk l-edukazzjoni qiegħda tingħata l-iskola bit-tfal preżenti jew inkella b’mod remot fid-dar.

L-Uffiċċju appella lil kull min huwa involut fl-edukazzjoni biex iżomm lura u jħalli l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika jiddeċiedu huma x’miżuri għandhom jittieħdu meta jfeġġ xi każ ta’ Covid-19 fl-iskejjel peress li huma biss dawn l-awtoritajiet li għandhom id-dritt esklussiv u r-responsabbiltà li jiħduhom.