Il-Gvern mhux jinvesti bis-serjetà fl-edukazzjoni – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia akkuża lill-Gvern Laburista li la qed jinvesti bis-serjetà fl-edukazzjoni u lanqas biss qed jagħtiha l-importanza li jixirqilha. Il-Kap tal-PN qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ta d-dettalji tal-proposti għall-edukazzjoni li l-PN fassal fid-dokument ta’ qabel il-baġit, li nieda l-ġimgħa li għaddiet.

“Malta mhux tilħaq il-miri fl-edukazzjoni”

Delia semma li fost ir-riżultati negattivi ta’ nuqqas ta’ investiment hemm in-nuqqas tal-għalliema u li inqas studenti Universitarji qegħdin jagħżlu li jmorru għalliema. Żied jgħid li s-sistema edukattiva hija maqtugħa mid-dinja tax-xoghol tant li l-aqwa postijiet tax-xogħol f’Malta qegħdin imorru għand ħaddiema barranin.

“Uliedna rritornaw fi klassijiet mitluqa u oħrajn li raw il-bidu tas-sena skolastika tagħhom jieħdu t-tagħlim mill-kontejners minħabba n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern Laburista. L-edukazzjoni hija waħda mill-vittmi tal-mudell ekonomiku tal-Gvern”, qal Delia.

Huwa żied li minħabba l-problemi li qal li hemm fl-edukazzjoni Malta mhux se tilħaq il-mira tagħha li tnaqqas l-għadd ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni. Barra dan, kompla Delia pajjiżna jinsab lura wkoll fil-miri tat-tnaqqis tal-litteriżmu tant li qegħdin inħabbtuha mal-faxxa ta’ isfel fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Puli jsemmi l-proposti

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli ta d-dettalji dwar tmien proposti tal-edukazzjoni tal-PN fil-Pre Budget Document.

Huwa qal li l-Gvern għandu jiddedika aktar riżorsi għar-riċerka fl-edukazzjoni u li għandu jsir sforz akbar fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-istudenti, biex jikbru u jagħmlu suċċess, f’dinja tax-xogħol li hija aktar kompetittiva.

Il-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni qal li l-għalliema għandhom jingħataw aktar assistenza u għajnuna sabiex jegħlbu l-istress li qegħdin jaffaċċjaw. Huwa sostna li l-Gvern għandu jagħti ferm aktar attenzjoni fil-livell ta’ kinder u dak primarju, speċjalment meta diffikultajiet li jiżviluppaw u jidhru aktar tard, huma riżultat ta’ dawn is-snin ferm fundamentali għall-iżvilupp. Huwa talab lill-Gvern biex il-promozzjonijiet f’dan is-settur għandhom ikunu bbażati kollha fuq il-meritokrazija.

Delia m’għandux raġun – PL

Il-Partit Laburista qal fi stqarrija li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel il-konferenza tal-aħbarijiet “quddiem investiment milunarju” li l-Gvern qed jagħmel fl-edukazzjoni. Bħala eżempju ta’ investiment fl-edukazzjoni l-PL semma  l-ftehim kollettiv ġdid għall-għalliema, l-ingaġġ ta’ iktar riżors uman, it-tablets għall-istudenti, u s-suġġetti vokazzjonali ġodda b’workshops għalihom li laħqu investiment ta’ għaxar miljun ewro.