Il-Gvern mhux jikkunsidra li jerġa’ jintroduċi limitazzjoni fil-ħin waqt il-kaċċa

Il-Gvern mhux se jerġa jintroduċi ħinijiet ta’ kerfju waqt l-istaġun tal-kaċċa.
Dan sostnieh is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes waqt il-programm Newsbook fuq RTK.
Preżenti għall-programm kien hemm ukoll Ray Cordina mill-FKNK, Nicholas Barbara mill-Birdlife u Peppi Azzopardi.
Galdes sostna li minflok se jiġu introdotti numru ta’ miżuri biex jiżdied l-infurzar.
Qal li mhux minnu li l-ksur tal-liġijiet kien qed isir fil-ħin tal-kerfju iżda ħafna każi kienu qed isiru filgħodu.
Sostna li l-Birdlife għandha d-dokumentazzjoni u filmati li jixhdu dan.
Roderick Galdes qal li meta ingħalaq temporanjament l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa, l-illegalitajiet naqsu.
Sostna li sfortunatament il-kaċċaturi mhux jifhmu li huwa fl-aħjar interess li jirrappurtaw każi ta’ kaċċa llegali.
Qal li ħafna mill-kaċċaturi jkollhom ħjiel ta’ min ikun qed jikser il-liġi iżda mhux dejjem jgħaddu din l-informazzjoni lill-Pulizija.
Għalhekk ukoll ħabbar li jiġi kkunsidrat li jidħlu fis-seħħ miżuri li jagħtu protezzjoni lill-kaċċaturi li jkunu lesti li jagħtu informazzjoni fuq persuni oħra li jiksru l-liġi.
Intqal li min jinqabad u jingħata sentenza mill-Qorti jitkeċċa mill-FKNK.
Ray Cordina enfasizza li d-deċiżjoni li jingħalaq l-istaġun temporanjament kienet illegali.
Qal li l-Federazzjoni waslet għal din id-deċiżjoni wara li ħadet pariri legali u għalhekk qed tikkontesta din id-deċiżjoni fil-Qorti.
Nicholas Barbara spjega kif min-naħa tal-Birdlife, din qablet mad-deċiżjoni tal-Gvern.
Roderick Galdes wieġeb li mhux veru li dan kien kastig kolletiv għaliex kieku l-istaġun kien jingħalaq mingħajr ma jerġa jinfetaħ. 

Ritratt: Birdlife