
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) sostniet li l-Gvern mhuwiex jieħu l-pariri tal-professjonisti tas-saħħa u b’hekk mhuwiex qed iwettaq l-obbligu tiegħu li jipproteġi s-saħħa tal-poplu.
Il-MAM elenkat tliet punti ewlenin li skontha, għandu jsegwi l-Gvern:
- Residenti Maltin biss għandhom jitħallew itiru minn Lombardija, Veneto u Emilia Romagna lejn Malta
- Il-Gvern għandu jara li dawk kollha li ġew mill-Italja ta’ Fuq isegwu l-ordni ta’ kwarantina
- Min ikun bi kwarantina obbligatorja għandhom isirulu spot-checks, u jkun hemm multi ħorox għal min ma jagħmilx kwarantina
Fl-istess waqt, il-MAM qalet li hija favur li ħaddiema li jippreferu jaħdmu mid-dar bħalissa. Taħseb ukoll li l-Gvern għandu jħallas għal-leave bi kwarantina għal dawk fis-settur privat, sakemm ma jkollhomx imġiba mhux xierqa.
L-MUMN twissi b’direttiva għall-infermiera biex ma jdewwux pazjenti tal-coronavirus
Min-naħa tagħa, l-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) iddikjarat li l-infermiera se jingħataw direttivi biex ma jdewwux lill-pazjenti tal-coronavirus jekk il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ma jaġixxix fuq il-proposti li bagħtulu biex jipprovdi inċentivi u jindirizza l-ansjetà tal-infermiera.
L-Unjin tenniet li m’hemm l-ebda pjan ta’ kontinġenza f’każ li Malta tinħakem mill-coronavirus. Qalet li tistenna li l-Gvern jieħu miżuri żejda sabiex jaċċerta arranġament aħjar ta’ Saħħa u Sigurtà.
Posposta konferenza annwali tal-Malta Stock Exchange
Intant, il-Federazzjoni Dinjija tal-Iskambji (WFE) ħabbret li se tipposponi l-konferenza annwali tagħha li kellha ssir fis-26 u fis-27 ta’ Marzu għas-sena d-dieħla, minħabba l-biża’ mill-coronavirus.
Din kienet qed tiġi organizzata b’kollaborazzjoni mal-Malta Stock Exchange.