Il-Gvern mhux jeskludi li jestendi l-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena

Waqt laqgħa mal-Kumitat Vot 16, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena se jkunu jistgħu jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru fl-2015.

Dan wara li fl-20 ta’ Novembru li ġej ikunu daħlu fis-seħħ il-liġijiet li se jippermettu liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena li jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet.

Fil-preżent l-eta li tagħti d-dritt tal-vot hija ta’ 18-il sena.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qiegħed jikkunsidra li ż-żgħażagħ ikollhom id-dritt li jivvutaw f’elezzjonijiet oħra fosthom l-elezzjoni ġenerali u l-Parlament Ewropew.

Dr. Joseph Muscat ma eskludiex lanqas li jkun hemm kandidati żgħażagħ li jkollhom 16-il sena jew aktar.

Saħaq li Malta m’għandhiex timxi biss mat-tendenza Ewropea imma trid toħloq standards ġodda.

Il-Prim Mnistru qal li l-Gvern irid jaħdem ukoll biex tikber il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika.