Il-Gvern mhux ilaħħaq mad-domanda għat-tkabbir ta’ fabbriki

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li bil-proġetti industrijali u investiment dirett barrani fosthom proġetti ta’ tkabbir minn kumpaniji diġà stabbiliti, huwa stmat li Malta ma tistax tlaħħaq mad-domanda minħabba spazju disponibbli għal bini ta’ fabbriki ġodda.
Il-Ministru kien qed iwieġeb mistoqsija supplimentari tad-deputat Laburista Byron Camilleri fejn semma’ li l-Gvern għandu proposti ta’ espansjoni tal-proġetti li jlaħħqu investiment ta’ €24 miljun.
Dawn il-proġetti fis-snin li ġejjin għandhom jiġġeneraw 850 impjieg ġdid min-naħa ta’ investiment barrani waqt li l-investiment tal-intraprendituri Maltin għandu jiġġenera 430 impjieg ġdid.
Madanakollu, l-ispazju disponibbli hu limitat ħafna u dan wara li l-Gvern waqqa’ pjanijiet tal-amministrazzjoni preċedenti ta’ espansjoni tal-qasam industrjali ta’ Bulebel biex jipproteġi l-ambjent.
Ritratt: Ian Noel Pace