“Il-Gvern m’għandux kollox perfett, li tippersisti fl-iżball li huwa ħażin” – Dr Toni Abela

Il-Viċi Kap tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Partit, Toni Abela sostna li dawn il-konferenzi dwar l-ewwel sena tal-Gvern Laburista mhix kampanja biex il-Partit jiġbed lura dawk il-Maltin li ma jridux jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Abela qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, li kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef u s-Segretarja tal-Eżekuttiv Lydia Abela.
Newsbook.com.mt staqsa jekk il-Gvern hux wieħed li jisma’ meta 91% taċ-ċittadini f’Marsaxlokk li ma jridux it-tanker tal-LNG, Toni Abela qal li hemm il-garanziji tal-esperti kollha imma l-Partit Nazzjonalista ilu għaddej b’kampanja biex dan il-proġett ma jsirx.
Qal li kienet deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista li l-powerstation issir f’Delimara. Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar kritika li saret fuq nuqqas ta’ trasparenza mill-Gvern, Toni Abela qal li l-Awditur Ġenerali rrimarka kif it-trasparenza taħt din l-Amministrazzjoni maret ‘il quddiem.  
Dwar il-meritokrazija, Abela qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jibgħat messaġġ li għax persuna jkollha twemmin Laburista ma jistax ikollha ħatra f’bord jew Awtorita’.
Il-President Daniel Micallef wieġeb dwar in-nuqqasijiet fis-settur tas-saħħa u qal li fil-preżent qed isir xogħol ta’ ċentralizazzjoni tal-mediċini u swali ġodda f’Mater Dei.
Il-Viċi Kap tal-Partit Laburista qal li matul din l-ewwel sena tal-Gvern Laburista daħlu fis-seħħ sensiela ta’ miżuri mill-manifest elettorali.
Saħaq li fl-aħħar elezzjoni, l-poplu għamel għażla bejn stil ta’ politika antika u politika moderna li tagħmel minn Malta l-aqwa fl-Ewropa.