Il-Gvern m’għamilx vendikazzjoni ma’ Andrew Caruana Galizia – Muscat

Miguela Xuereb

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-Gvern Laburista mhux talli m’għamilx vendikazzjoni mat-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia, Andrew, talli fl-2014 tah promozzjoni minn second secretary għal first secretary. 

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Muscat qal li min jaħdem fl-isfera tad-diplomazija, jaf li din kienet promozzjoni prestiġjuża.

Dwar l-irtirar ta’ Andrew Caruana Galizia mill-missjoni diplomatika fi New Delhi, Muscat spjega li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela kien iltaqa’ personalment ma’ Caruana Galizia fejn spjegalu li jridu lura Malta għal missjoni importanti.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li f’pajjiż normali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela kien jirriżenja wara dak li ħareġ fil-qorti llum mix-xhieda ta’ Fiona Formosa li kienet is-Segretarja Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. 

Formosa xehdet li kien il-Ministru Abela li ta l-ordni biex Andrew Caruana Galizia jinġieb Malta xahar wara l-elezzjoni tal-2017. 

Huwa qal li dan l-aġir tal-Ministru ssorprendieh għax ma stenniehx li kien se jaġixxi b’dan il-mod. Azzopardi qal li seta’ jagħti l-każ li Abela kien qed jaġixxi fuq ordni ta’ ħaddieħor. Huwa qal li Caruana Galizia ngħata avviż minn qabel ta’ ħmistax biss, biex jiġi Malta wara ftit xhur meta l-appuntar tal-korp kostitwit ikun għal 3 snin. 

Huwa qal li dan sar kontra l-parir tal-konslu fl-Indja Steve Borg li dam erba’ xhur jaħdem waħdu minħabba t-tluq ta’ Caruana Galizia.