​“Il-Gvern maqtugħ mir-realtà li qed jgħixu l-familji” – PD

Skont il-Partit Demokratiku, il-Gvern jinsab maqtugħ mir-realtà li qed jgħixu l-familji, partikolarment il-pensjonanti u ż-żgħażagħ.
Fi stqarrija, il-Membri Parlamentari Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia qalu li dan il-Baġit juri nuqqas ta' ideat biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu.  
Saħqu li l-irwol tal-familja u taż-żgħażagħ fis-soċjetà mhumiex rikonoxxuti, mhumiex inċentivati u l-pensjonanti tqarbnu b’żieda li mhix realistika.
Ma jindirizzax l-isfidi preżenti”
Il-Partit Demokratiku, qal li l-Baġit tal-2018 jonqos milli jindirizza l-isfidi preżenti u dawk ġejjiena b’roadmap li tindika viżjoni u direzzjoni li Malta għandha tieħu. Il-Gvern mhux qed jindirizza b’mod immedjat u komplet il-problema tal-akkomodazzjoni soċjali għal min ma jaffordjax il-kiri. Apparti minn hekk, jgħid li ma ssemmietx l-akkomodazzjoni għall-istudenti universitarji Għawdxin li mhix affordabbli. 
Il-Partit qal li l-Gvern qed iserraħ rasu u jinqeda bl-iżvilupp u l-ispekulazzjoni tal-bini bla rażan u bla pjan nazzjonali studjat. Iħoss li dan huwa Baġit li jiftaħar b'surplus minkejja li n-negative trade gap ta' Malta qabżet iż-żewg biljuni u li l-consolidated fund baqa' bi żbilanċ negattiv. 
Il-PD stqarr li ħafna strutturi ċivili u entitajiet, li suppost huma awtonomi u indipendenti qed jaħdmu b’governanza skorretta jew b’għodda anti-legal.
Trasport u ambjent
Spjega li l-pjaga tal-konġestjoni ta' trasport ma tissolviex b'learning curve u bit-twaqqif ta' Aġenzija paraventu, iżda b’impenn u tfassil ta’ pjan serju u robust li vera jwassal għal soluzzjoni.
Il-Partit Demokratiku allega li l-Gvern mgħandux kredenzjali fl-ambjent u li  kuljum jinħasdu siġar inkluż dawk tal-ħarrub bil-barka tiegħu. 
Ritratt: Arkivji