Il-Gvern Malti talab biex 50 immigrant jiddaħħlu Lampedusa – Alarm Phone

Grupp ta’ 50 immigrant kienu salvati minn bastiment tas-sajd skont il-ġurnalista Taljana Angela Caponetto. Hi qalet li dan sar f’ħidma ta’ salvataġġ ikkordinata mill-awtoritajiet Maltin.

Skont l-għaqda Alarm Phone u l-ġurnalista, Malta talbet lill-awtoritajiet Taljani sabiex iħallu lill-50 immigrant jidħlu Lampedusa ladarba dan huwa l-eqreb port.

Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li s’issa m’hemmx informazzjoni uffiċjali dwar il-każ.

Ilbieraħ, l-NGO qalet li d-dgħajsa li telqet mil-Libja tinsab fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Taljana, ftit ‘il bogħod minn Lampeduża, iżda ftit wara l-NGO kkoreġiet ruħha u qalet li d-dgħajsa tinsab fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija. Hija appellat lill-awtoritajiet biex joffru port sigur lil dawn il-50 immigrant f’periklu.

Skont Alarm Phone, la l-awtoritajiet Maltin u lanqas dawk Taljani ma pprovdew informazzjoni dwar jekk kinux se jsalvaw lill-immigranti jew le. L-NGO qalet li l-bastiment Fuji Bay deher fuq il-post ftit tas-sigħat qabel.