​Il-Gvern Malti se jkun jista’ jissellef minn swieq barranin

Il-Gvern Malti se jkun jista’ jissellef minn swieq barranin. Minkejja dan, il-Gvern ma għandux ħsieb li jbiddel l-istrateġija tiegħu li jkompli jissellef minn swieq lokali.
Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt diskussjoni fil-Parlament ta’ Abbozz ta’ Liġi dwar Self tal-Gvern u l-Amministrazzjoni tad-Dejn Pubbliku; abbozz li llum ġie approvat mill-Parlament bi qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni.
Il-Prof. Scicluna qal li l-liġi proposta mistennija taġġorna tliet liġijiet eżistenti li ma jirriflettux prattiċi moderni ta’ amministrazzjoni ta’ dejn pubbliku. Tnejn minn dawn il-liġijiet imorru lura għas-snin ħamsin waqt li l-oħra għaddiet mill-Parlament fl-1972. Qal li l-liġi proposta tibni fuq prattiċi tajba eżistenti lokali u f’pajjiżi barranin u tfasslet bejn esperti mit-Teżor b’konsulenza mill-Commonwealth. Sostna li l-abbozz se jkun qed isaħħaħ il-governanza u t-trasparenza fl-amministrazzjoni dejn pubbliku.
Fost l-oħrajn il-liġi l-ġdida se tippermetti għall-ewwel darba li l-Gvern joħroġ titoli ta’ self fi swieq barranin. Skont il-Ministru Scicluna, dan se jsir skont pariri tal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-aġenziji ta’ kreditu biex tisseddaq il-flessibilità tal-Gvern biex jimmaniġġja d-dejn tiegħu. Saħaq li minkejja dan, il-Gvern ma għandux ħsieb li jbiddel strateġija kif jiffinanzja l-programm tiegħu, iżda bi ħsiebu jkompli jissellef mis-swieq lokali. Flessibiltajiet oħra se jinkludu l-possibiltà li t-Teżor joħroġ skemi ta’ self permezz ta’ ċirkolari u mhux avviż legali. Ukoll, se jiddaħħlu flessibiltajiet ġodda kif jinxtara lura d-self mogħti.
Il-liġi proposta se ddaħħal ukoll l-obligu li garanziji tal-Gvern jiġu evalwati mit-Teżor bl-obligu li jevalwhom mill-ġdid mill-anqas kull sena, u dan biex ikun limitat ir-riskju lill-Gvern. Obligi ġodda oħra fuq it-Teżor se jkunu l-pubblikazzjoni ta’ diversi rapporti perjodiċi fosthom Medium Term Debt Management Strategy għall-minimu ta’ tliet snin, pjan dwar titolu li t-Teżor ikun bi ħsiebu jippubblika, u rapport annwali. Obligu ieħor se jkun iż-żamma ta’ riserva ta’ likwidata, prattika li diġà ssir minkejja li mhix obbligu legali.