Il-Gvern Malti mħasseb dwar dak li ġara fil-Katalunja

Il-Gvern Malti qal ma' Newsbook.com.mt li l-pożizzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Spanjola hi kwistjoni interna ta’ Spanja u li hi ċara fil-fehma tagħha, li r-referendum kien anti-kostituzzjonali. Żied jgħid li hu mħasseb ħafna bl-użu ta’ vjolenza fil-konfront ta’ persuni ċivili fil-Katalunja, nhar il-Ħadd li għadda, liema vjolenza fi kliem il-Gvern ma tistax tiġi ġustifikata.
761 persuna ndarbu wara ħbit u ġlied bejn il-protestanti u l-Pulizija Spanjola, li ħalfu li ma jħallux lill-Katalani jivvutaw għar-referendum dwar l-indipendenza tar-reġjun.
Ir-ritratti kienu jitkellmu waħedhom, tant li n-nies insew dwar xiex kien ir-referendum, għax ix-xbihat imdemmija tan-nies laqtu l-kuxjenza ta’ Ewropa li suppost hi demokratika.
Dak li ġara fi Spanja fi tmiem il-ġimgħa, u li kompla l-Ħadd minħabba r-referendum, ġibed l-attenzjoni u l-istmerrija ta’ ħafna gvernijiet madwar l-Ewropa.
Mal-14-il pajjiż ikkummenta dwar il-ħruxija tal-Pulizija Spanjola, sa anki Nicolas Maduro, il-President Venezwelan li din l-aħħar sena kien f’kontroversja minħabba l-vjolenza u l-politika t’awsterità li qed juża mal-poplu tiegħu.
In-Nazzjonijiet Magħquda qalet li din il-kwistjoni trid tiġi solvuta bi djalogu politiku u b’rispett sħiħ lejn il-libertajiet demokratiċi. L-istess għamlet l-Unjoni Ewropea.
Fost l-oħrajn, ir-Russja qalet li jekk l-Ispanjoli ma jitkellmux mal-Katalani, jista’ jirrepeti ruħu dak li ġara bl-Ukrajna u l-vjolenza li nqalgħet.