Il-Gvern Malti lest li jilħaq ftehim kummerċjali mal-Indja

Il-Gvern jinsab lest li jilħaq ftehim ieħor ma’ pajjiż fl-Ażja, wara l-‘memorandum of understanding’ iffirmat maċ-Ċina.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li matul il-laqgħat li kellu fiċ-Ċina, il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-Ministru Ewlieni ta’ Karnataka, Siddaramaiah.

Karnataka tinsab fin-nofsinhar tal-Indja.

Din il-laqgħa saret meta l-Prim Ministru kien qed imexxi delegazzjoni, li kienet tinkludi liċ-Chairman tal-Malta Enterprise, għall-World Economic Forum f’Dalian fiċ-Ċina.

Matul din il-laqgħa intwera l-interess ta’ Malta li tippromwovi l-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani mill-Bangalore.

Dan ma jeskludix investiment fis-settur tal-avjazzjoni f’Malta mill-Indja.

Is-settur tal-avjazzjoni u l-manutenzjoni tal-ajruplani fl-Indja huwa wieħed kbir u jinkludi fost l-oħrajn kumpaniji internazzjonali bħal Boeing u AirBus.

Din il-kollaborazzjoni tista’ ssir permezz ta’ ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi.

Kien Siddaramaiah stess li kkonferma dan u kif irrappurtat f’ġurnali Indjani.

Jirriżulta li matul il-laqgħa, il-Prim Ministru Malti u l-Ministru Ewlieni Indjan iddiskutew il-possibilita’ li Malta sservi bħala hub li minnu l-Indja tkun tista’ tesporta fl-Ewropa prodotti li jkunu manifatturati minn Malta.