Il-Gvern Malti jtenni li lest jgħin għall-paċi fil-Libja

Il-Gvern feraħ  lil mibgħut speċjali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda Bernardino Leon għall-isforz kontinwu biex jiġbor flimkien il-forzi kollha politiċi, is-soċjetà ċivili, kif ukoll fazzjonijiet militari Libjani, madwar l-istess mejda u permezz ta’ djalogu jinħoloq ftehim li bih jitwaqqaf il-ġlied.
Fi stqarrija, intqal li l-isforzi ta’ Bernardino Leon għalissa ma rnexxilhomx jikkonvinċu lil dawn ir-rappreżentanti għal għadd ta’ raġunijiet fosthom dwar min għandu jkun preżenti u fejn għandhom isiru l-laqgħat.
Bl-intenzjoni li jara l-pajjiż ġar jakkwista lura l-istabbilità, paċi u prosperità, il-Gvern Malti tenna l-offerta tiegħu li lest joffri s-servizzi u l-faċilitajiet kollha possibbli biex jgħin jiffaċilita dan id-djalogu.
Il-Gvern Malti qal li japprezza d-diffikultajiet li kellhom jintgħelbu biex saru tliet laqgħat, waħda fil-Libja u tnejn oħra f’Ġinevra u jifhem is-sinifikat ta’ kull avanz.
Ħeġġeġ l-awtoritajiet ta’ Tripli biex jingħaqdu f’dan id-djalogu, li hu biss iċ-ċavetta għall-paċi u s-sigurtà fil-Libja.
Intqal li l-Gvern Malti huwa dispost li jiddiskuti fejn jista’ jgħin u sa fejn jista’ jkun ta’ għajnuna għall-kisba tal-paċi fil-Libja.