​Il-Gvern Malti jittama f’diskussjonijiet pożittivi għal gvern ta’ unità fil-Libja

Il-Gvern Malti wera t-tama tiegħu li t-taħdidiet ġodda għal gvern ta’ unità fil-Libja, li jibdew mil-lum fil-Marokk, ikollhom ir-riżultati mixtieqa fl-interessi tal-Libja nnifisha, tal-pajjiżi ġirien, tal-Mediterran u lil hinn.
Il-Gvern qal li t-taħdidiet li jibdew illum f’Skhirat, fil-Marokk, taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Magħquda, u li għalihom se jattendu rappreżentanti tal-Kamra tad-Deputati ta’ Tobruk u tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali ta’ Tripli, huma pass importanti.
Malta tenniet t-tħassib tagħha dwar iż-żieda fl-estremiżmu fil-pajjiż u saħqet li m’hemm ebda alternattiva għal djalogu politiku bejn il-partijiet. Insistiet li dak li qed tgħix il-Libja bħalissa, wara erba’ snin ta’ ġlied u mwiet, hu “mument ta’ verità” u jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet.
Il-Gvern Malti qal li l-Libjani qed jistennew b’ħerqa li jmorru lura għall-ħajja normali u li jgħixu fil-paċi, fil-progress u fil-prosperità u li dan jista’ jsir biss jekk ikun hemm arranġamenti ta’ sigurtà u jitwaqqaf Gvern ta’ Unità Nazzjonali bejn il-fazzjonijiet differenti. Il-Gvern Malti tenna li f’dan il-kuntest, Malta tibqa’ tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha biex is-sitwazzjoni fil-Libja titjieb.
Il-Gvern tenna wkoll l-appoġġ sħiħ tiegħu, flimkien ma’ dak tal-komunità internazzjonali, għall-isforzi bla waqfien tal-Invjat Speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda Bernardino Leon.