Il-Gvern Malti jilqa’ l-ftehim bejn l-Istati Uniti u r-Russja dwar is-Sirja

Il-Gvern Malti laqa’ b'sodisfazzjon l-aħbar li l-Istati Uniti u r-Russja laħqu ftehim preliminari dwar il-fatt li r-reġim ta' Bashar Al Assad irid fi żmien qasir jagħti l-informazzjoni kollha dwar il-ħażniet ta' armi kimiċi li għandu, jinforma fejn jinsabu, u jgħin biex dan il-materjal qerried ikun ikkonfiskat u meqrud mill-aktar fis possibbli.

Fi stqarrija mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, intqal li l-Gvern Malti huwa konxju dwar x'jistgħu jkunu l-miżuri li jittieħdu jekk ir-reġim ta' Assad ma jikkoperax, iżda minkejja dan il-Gvern Malti xorta jħoss li dan il-ftehim huwa pass diplomatiku mportanti li bih il-qawwiet politiċi internazzjonali reġgħu resqu lejn xulxin fuq il-każ tas-Sirja.

Intqal li sa mill-bidunett, il-Gvern Malti kien stqarr li huwa kontra l-użu ta' kull forma ta' ntervent militari fil-każ tas-Sirja, u jawgura li issa li hemm ftehim bejn l-Istati Uniti u r-Russja, tinstab ukoll koperazzjoni sħiħa mir-reġim ta' Assad biex il-wegħdiet li qegħdin isiru mis-Sirja jitwettqu.

L-istqarrija tkompli tgħid li għall-Gvern Malti, ma jfissirx li jekk fil-futur jinstabu dawk responsabbli għall-istraġi li seħħet bl-użu tal-armi kimiċi, ma jkunux mressqa biex titwettaq ġustizzja quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Il-Gvern Malti awgura li l-ispirtu ta' koperazzjoni li żviluppa bejn il-pajjiżi l-kbar fil-każ tas-Sirja, ikompli jissaħħaħ fil-futur, sabiex idealment permezz ta' riżoluzzjonijiet maqbula b'mod unanimu fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Gnus Magħquda, titfassal u titwettaq it-triq li twassal għall-ksib ta' paċi fis-Sirja u fir-reġjun tal-madwar.